Min hu Kristu għalija? - Mark Cachia SJ

KUMPANN VERU...

Min hu Kristu għalija?

Mark Cachia huwa żagħżugħ Ġiżwita minn Ħal Balzan li ftit snin ilu ġie ordnat Saċerdot. Huwa speċjalizza fit-Teoloġija Morali f’istitut tal-Ġiżwiti f'Madrid u qiegħed jaħdem l-iktar fl-appostolat soċjali hawn Malta. 

F’din il-kitba jaqsam mal-qarrejja waħda mill-aktar mistoqsijiet ċentrali fil-vokazzjoni tiegħu ta’ reliġjuż Ġiżwita u ta’ saċerdot. Dan l-artiklu nkiteb waqt li Mark kien qed iħejji ruħu biex sentejn wara ikun ordnat Saċerdot. Huwa kien qed jistudja t-Teoloġija u fl-istess ħin jgħix f'komunità Ġiżwita fi kwartier popolari 'l barra minn Pariġi, fejn jgħixu ħafna immigranti u ħaddiema barranin.


Fi Franza, fejn ili noqgħod għal dawn l-aħħar sentejn, 'il fuq minn 3000 adult jitgħammdu kull sena. Xi wħud jiġu minn reliġjonijiet oħra, oħrajn trabbew f'familja Kattolika mingħajr ma rċevew il-Magħmudija bħala trabi, filwaqt li numru mhux ħazin minnhom kienu jinjoraw kull m'għandu x'jaqsam ma' fidi, bibbja jew reliġjon. Għalkemm din is-sitwazzjoni tista' tinstema' kemmxejn stramba għal xi ħadd li twieled f'pajjiż bħal tagħna fejn ir-reliġjon Nisranija għad għandha post importanti, il-fatt hu li huwa dejjem iżjed possibbli f'pajjiż bħal Franza li wieħed jidħol fl-età adulta mingħajr qatt ma jkun  sema' xejn bi Kristu.

Propju xi sena ilu, bdejt nakkumpanja grupp ta' żgħażagħ li talbu li jirċievu s-sagrament tal-Magħmudija. Waħda mill-ewwel domandi li saqsewni meta ltqajna kienet: "Imma dan Kristu... min hu?". Ikolli nistqarrr li l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet waħda ta' stagħġib : "X'mistoqsija vojta! Mhux kulħadd jaf min hu Kristu!". Imma bil-mod il-mod irrealizzajt kemm din il-mistoqsija kienet kollox minbarra stupida. Fil-fatt hija l-mistoqsija li kull Nisrani għandu kontinwament isaqsi lilu nnifsu.

Minn naħa tiegħi, biex nirrispondi l-mistoqsija stajt noħroġ b'xi definizzjoni kkumplikata minn dawk li qed nistudja bħalissa fil-korsijiet tat-Teoloġija ! Imma ż-żgħażagħ li kelli quddiemi, risposta bħal din kienu qed jistennew jew inkella risposta iktar personali u għalhekk ħafna iktar impenjattiva? F'din is-sena tas-saċerdozju, jien u nipprepara ruħi għall-ordinazzjoni, ninduna kemm din il-mistoqsija qed issir dejjem iżjed ċentrali f'ħajti u għaldaqstant xtaqt naqsam magħkom tliet punti li li jiġuni f'moħħi meta nsaqsi lili nnifsi: "Min hu Kristu... għalija?"

  • Kristu għalija huwa dak li jaċċettani kif jien, bil-kwalitajiet u d-djufijiet kollha tiegħi. Għal Kristu mhux is-suċċess jagħmlek persuna. Għal Kristu, l-"ħabib tal-pubblikani u l-midinbin" (Mt 11, 19), il-valur ta' ħajti ma jiddependix minn kemm jien ‘tajjeb' jew minn kemm nirċievi rikonoxximenti. Għax għal Kristu kulħadd, ibda miz-żgħar u l-imwarrbin, huwa msejjaħ sabiex jaqsam miegħu l-ferħ tas-saltna. L-ebda uġigħ ta' ras biex jipprepara l-lista tal-mistednin għax Kristu lil ĦADD ma jrid iħalli barra !!
     
  • Kristu għalija huwa dak li jibqa' jemmen fija, minkejja l-ebusija tal-qalb tiegħi, minkejja ż-żmien twil li għandi bżonn biex forsi nifhem xi ħaġa mill-messaġġ t'imħabba li jrid jgħaddili! Ta' kuraġġ kbir għalija huwa l-eżempju ta' Pietru li fil-Vanġelu narawh jisforza ruħu b'ħeġġa kbira biex juri li fehem kollox... Ilkoll kemm aħna nafu li r-riżultati mhux dejjem kienu eċċellenti! Madanakollu, Kristu ma jaqtax qalbu u b'paċenzja kbira jibqa' jafda lil Pietru anke wara li dan tal-aħħar ċaħdu u abbandunah fil-mument tal-bżonn. X'differenza minn xi ħadd bħali li jfittex dejjem riżultati immedjati għal kulma jagħmel u jekk dawn ir-riżulati ma jaslux, jibda malajr jaqta' qalbu u jinnervja!
     
  • Kristu huwa għalija kumpann ta' veru, li joffri li jaqsam miegħi il-mumenti sbieħ ta' ħajti kif ukoll dawk iktar diffiċli. Id-diskrezzjoni ta' dan il-kumpann hija eżemplari; qatt ma jimponi ruħu, imma jekk nixtieq, huwa qiegħed hemm, maġenbi, dejjem lest li jgħini. Hu li sar wieħed minna f'kollox, minbarra d-dnub, jaf x'jiġifieri l-ħajja tal-bniedem. Hu li trabba f'familja f'Nazaret jaf x'ijiġifieri tkun imdawwar bl-imħabba tal-ġenituri. Hu li kien dejjem imdawwar bil-ħbieb u d-dixxipli jaf kemm huma importanti r-relazzjonijiet f'ħajjitna. U fl-aħħarnett, Hu li kien abbandunat, ittradut, imżeblah u maqtul, jaf x'iġifieri tbatija. Mhux ta' b'xejn San Pawl jistaqsi: "Min se jifridna mill-imħabba ta' Kristu?" (Rm 8, 35).

    Fl-aħħar mill-aħħar, ir-risposti għall-mistoqsija "min hu Kristu għalik ?" li għadni kif semmejt huma mod ieħor ta' kif nesprimi l-konvinzjoni tiegħi li l-Vanġelu huwa tassew Aħbar Tajba: Permezz ta' Ibnu Ġesu, Alla wera lili nnifsu bħala Missier li fl-imħabba inkondizzjonata tiegħu jixtieq li ebda bniedem ma jkun eskluż mis-saltna tiegħu; Missier li fil-ħniena kbira tiegħu jibqa' jaħfer u jieħu paċenzja bina; Missier li tant jippurtah minna li bagħtilna lill-Ibnu l-Waħdieni biex jaqsam magħna il-ferħ u n-niket tal-ħajja tagħna fuq din l-art, u b'hekk jurina t-triq għall-ħajja ta' dejjem.

    Din hija l-Aħbar it-Tajba li minn mindu kont żgħir kelli l-grazzja li nirċievi. U din hija l-Aħbar it-Tajba li, bil-grazzja t'Alla, nixtieq, bħala saċerdot fil-Kumpanija ta' Ġesu, inwassal lil dawk kollha li għadhom qed jistennew tweġiba għall-mistoqsija: "Imma dan Kristu ... min hu?"

Mark Cachia sj

 

 

facebook youtube twitter flickr