It-Tiġrija sal-Barkun - Vince Magri SJ

IT-TIĠRIJA SAL-BARKUN

Fr Vince Magri, imwieled il-Hamrun, daħal Ġiżwita ta' 26  Sena. Wara l-formazzjoni tiegħu barra ħadem ħafna fil-qasam soċjali, kien wieħed minn tal-ewwel fil-komunità tal-Ġiżwiti fiż-Żejtun, fejn jinsab bħalissa, mexxa ċ-Ċentru ta' Spiritwalità Injazjana u ħadem ħfna fil-qasam tal-familji. Hawn jaqsam ftit mill-istorja tiegħu.


Jiena qatt ma ħlomt li ser inkun saċerdot u reliġjuż Ġiżwita. Jiena dħalt fin-novizzjat tal-Kumpanija ta' Ġesù (mal-Ġiżwiti) meta kelli 26 sena fl-1978. Għal dak iż-żmien kont nitqies "a very late vocation", vokazzjoni li tinbet tard fil-ħajja. Il-ħolma tiegħi kienet li niżżewweġ u jkolli familja kbira. U ma nafx għaliex, kont nimmaġina li ser immur ngħin lill-oħrajn mal-familja tiegħi fl-Afrika (u dan naħseb li qabel ma tfaċċaw in-Neo-Katekumeni jew għaqdiet ta' missjunarji lajċi f'pajjiżna).

Minn mindu kont żgħir kont inħoss ħafna għal min kont inqisu agħar minni. Qalbi kienet ittir bil-ferħ meta nara l-pajjiżi miġbura flimkien fil-bidu ta' xi Olimpjadi. Fl-1974 kont ngħix ġewwa Londra ma' grupp ta' żgħażagħ tal-Moviment Teens & Twenties Talent Trust (4Ts) - organiżżazzjoni taż-żgħażagħ imwaqqfa minn Fr Ġiżwita fis-sittinijiet. Kienet l-ewwel esperjenza li ħarġitni 'l hemm mix-xtut Maltin, miġbud hekk kif kont li nkun ta' servizz għall-oħrajn. Qed ngħid dan għaliex nemmen li dawn is-sentimenti kienu juru b'xi mod li Alla kien diġà qed isejjaħli mingħajr ma kont nifhem x'kien qiegħed jiġri fija.

F'Ottobru tal-1978, ma nafx kif, sibt ruħi man-novizzi Maltin u Taljani fi Frascati ftit 'il-bogħod miċ-ċentru ta' Ruma. Qatt ma ħarist lura. Dan ma jfissirx li ma kienx hemm żminjiet ta' għejja u diffikultajiet tul il-mixja tal-vokazzjoni tiegħi. Iżda dak li nqis l-akbar rigal li qatt irċevejt f'ħajti - li niċċelebra l-Ewkaristija - dejjem għeni negħleb id-diffikultajiet kollha. L-Ewkaristija hija l-miraklu tiegħi ta' kuljum. Inħobb nippriedka b'mod sempliċi u kemm jekk inqaddes fuq l-artal magħmul mill-irħam u mżejjen sew u kemm jekk inqaddes fuq kaxxa tal-kartun (kif nagħmel kważi kull nhar ta' Ħadd meta nqaddes lill-immigranti rregolari fid-Detention Centre) il-Quddiesa tibqa' dejjem l-għajn ta' kull ma ngħix u nagħmel. Din l-esperjenza għalija hija l-qofol tas-saċerdozju.

Il-Ġiżwiti qatt ma kont nafhom. Però kien kuntatt ma' Ġiżwita attiv fil-4Ts li bdejt insir midħla tagħhom. Illum nistqarr li nħossni tassew grat tal-formazzjoni kollha li ħadt u li għadni nieħu, għaliex tassew inħossni kbirt ħafna bħala persuna.

Meta bdejt il-ħidma tiegħi ta' saċerdot kont bniedem ġdid. Qtajt xewqati kollha... li nkun viċin in-nies, l-aktar dawk fil-bżonn. Parti mill-formazzjoni kienet li nitgħallem it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, meqjus bħala "it-Teżor Moħbi tal-Knisja". Dan wassalni biex inkun impenjat ħafna fil-ħidma li tesprimi l-imħabba kbira li għandha l-Knisja għall-fqar.

Vince Magri SJ 

 

 

facebook youtube twitter flickr