Sejjaħtli tabilħaqq!

Anton Azzopardi SJ

Sejjaħtli tabilħaqq! - Fr Anton Azzopardi SJ

Kos ! Ħaġa ta' l-iskantament ! Qatt ma nistgħu nifhmu kif jaħdem il-Mulej li għandu triqat differenti minn tagħna. Ma nistax nifhem għaliex u kif għażel lili ukoll biex inservih bħala Ġiżwita !

Jien bniedem komunissmu bħall-oħrajn. Twilidt fis-sena 1925 il-Ħamrun f'familja normali li kienet x'aktarx ħerqana għad-dmirijiet reliġjużi. Fil-magħmudija tawni l-isem ta' Anton għax missieri kien devot speċjali ta' Sant'Antnin. Missieri kien Prokuratur Legali u kien imqabbad mhux ħażin. Kienu joqgħodu magħna z-ziju Ewgenio Borg (is-superjur Generali tal-Mużew) u z-zija oħtu, it-tnejn ħut ommi. Jien ma kontx tifel skumnikat, iżda kelli l-mumenti ta' mqarbezza tiegħi.

Meta kont żgħir kont id-dar nilgħab tal-knisja, iżda wkoll kont niffrekwenta l-knisja ta'spiss. Kelli ukoll ħafna devozzjonijiet. Ta' xi għaxar snin dħalt il-Liċeo u kont ukoll aspirant ta' l-Azzjoni Kattolika tal-Ħamrun immexxija mis-sur Melinton Scerri, li kellha s-sede tagħha bieb ma' bieb mad-dar tagħna. Fil-Lega, kif konna nsejħulha, kien ikollna laqgħat ta' kuljum inkluż il-Ħadd, u logħob abbundanti. 

Mhux darba u tnejn fl-skola sibt ruhi f'periklu ta' ħbieb li setgħu qabbduni toroq imwiergħa. Kienu mumenti u perjodi meta l-Mulej qabadni minn xagħari u ħelisni minnhom. Aktar 'il quddiem qbadt ħbieb oħra li kienu bil-għaqal u li tawni eżempji sbieħ kemm ta' ħajja devota kif ukoll ta' ħeġġa għall-istudju.

Meta kelli tlettax-il sena u kont fit-tielet klassi tal-Liċeo,  ħabib sieħbi fl-istess bank, (kien mill-Isla), webbilni nibni knisja ċkejkna ta' l-injam (toy-church, 55x50x45cm) bħalma kien qed jagħmel hu d-dar tiegħu. Jien tħajjart. Ġibt l-injam, issellift l-għodda, xtrajt iż-żebgħa, s-santi u l-ganglieri ċkejknin u għamilt ukoll xi statwi tat-tafal. Bnejt ukoll il-kampnari u l-koppla tal-kartun, u qegħidt din il-kaxxa-knisja fir-rokna tal-kamra ta' l-ikel. Tabilhaqq, xi wħud min ħuti (aħna konna sitt itfal fil-familja) gergru għax dehrilhom li dik kienet biċċa mbarazz u mhux postha f'dik il-kamra. Iżda ommi żammet miegħi u ma riditx iċċaqlaqha minn hemm.

Meta ġejt biex nagħżel il-patrun titulari ta'din il-knisja ridt insib qaddis li l-festa tiegħu jew tagħha taħbat fil-vaġanzi tas-sajf. Fittixt fl-almanakk, u l-aktar data li għoġbitni kienet dik tal-wieħed u għoxrin ta' Lulju, jiġifieri dik ta' Sant Injazju ta' Loyola. Fuq dan il-qaddis ma kont naf xejn, u għalhekk bdejt naqra fuqu biex insir nafu. Malajr għamilt statwa ċkejkna tiegħu tat-tafal u żbajtha.

Issa ġara wkoll li d-delegat ta' l-aspiranti ta' l-Azzjoni Kattolika, is-sur Anton Schembri (snin wara dan daħal ġiżwita), ġabar grupp ta' tfal ta' bejn wieħed u ieħor l-età tiegħi, u ħajjarna mmorru miegħu kull nhar ta' Sibt inqerru għand il-ġiżwita Patri Daniel Glavina f'Sarria il-Furjana. Konna noħduha bil-mixi bħala passiġġata u fit-triq nagħmlu eżerċizzi ta' l-Ingliż.

Wara ċertu żmien, b'dak li kont qrajt fuq il-qaddisin ġiżwiti u bil-kuntatti ma' Patri Glavina, bdejt ninteressa ruħi fil-ġiżwiti u bil-mod il-mod bdejt nitħajjar li jien ukoll insir ġiżwita biex naħdem għal Alla u nsir qaddis. Dan għidtu lil Patri Glavina, iżda dan flok ma ħeġġiġni kif ħsibtu li se jagħmel, donnu ma tax kas ta' dak li għidtlu, u dam ħafna ma jsemmili xejn. Jien tħawwadt !

Fl-1940 faqqgħet il-gwerra ma' l-Italja, u ħafna familji li kienu joqgħodu qrib iż-żoni militari u t-tarzna bdew jitilqgħu minn djarhom u jfittxu rifuġju fi djar  fil-kampanja. Il-familja tiegħi għamlet l-istess; tlaqna l-Ħamrun u morna noqgħodu maz-ziju ħu missieri fl-Ħal- Balzan. Hemm jien żammejt kuntatt kemm stajt ma' Patri Glavina. F'Ġunju tal-1942 bombi minn ajruplan Ġermaniż laqtu id-dar tagħna u għamlu ħerba sħiħa. Ziti ġiet maqtula, u jien li kont immiss magħha għax kollna t-tnejn qed niġru flimkien għax-xelter, ħlistha bil-ħniena, għax ilħaqt il-bieb tal-garigor li ma waqgħax. Il-garigor skossa ruħu sewwa imma ma waqagħx. Jien korrejt serjament, u korrew ukoll żewġ ħuti oħra li ma laħqux jaslu sax-xelter.  Ħaduna bl-ambulanza malajr, lili l-ewwel fl-isptar ta' Bugeja imbagħad tal-Kulleġġ San Alwiġi fejn domt xahar sħiħ biex niddewwa. Hekk, għall-ewwel darba għixt taħt saqaf ġiżwita.

F'Ottubru ta' 1942, għaddejt mill-matrikola, u skond il-parir ta' Patri Glavina dħalt l-Università u bdejt il-kors akkademiku tal-litteratura u preparatorju tat-teoloġija. Iżda għalkemm kont ħaġa waħda mas-seminaristi studenti universitarji, kont bejn ħalltejn inkomplix għal avukat ma' sħabi l-oħra tal-Liġi. Qatt ma mort ngħix is-seminarju għax kont persważ li minix għal saċerdot djoċeżan.

Għaddejt minn żmien meta waqajt kwazi f'depressjoni u bdejt nitlob lil Alla biex ma nsir la ġiżwita, la patri u lanqas xejn, għax kont inħossni mifxul u qalbi mtertqa. Ma kontx nista' nifhem kif xi wħud isejħu iż-żogħżija l-isbaħ żmien tal-ħajja ! 

Anton Azzopardi SJ fil-bidu tal-ħajja tiegħu bħala Ġiżwita

Iżda mumenti sbieħ u ta' ferħ kelli wkoll. Niftakar li darba waħda għal nżul ix-xemx kont bilqegħda waħdi taħt ħajt tas-sejjieħ f'għalqa f'Ħal-Balzan u laqatni profondament il-kliem li kien qal San Pawl «dak li l-għajn ma ratx, widna ma semgħetx u ma ġiex f'moħħ il-bniedem, Alla ħejja għal dawk li jħobbuh.» Bqajt naħseb u nirrifletti fuq dan il-kliem. Mhux wisq wara dik l-okkażjoni ddeċidejt li nagħti ruħi 'l Alla u nsir patri.

Imma ġara li f' Awwissu 1945 miet missieri, u allura daħalli d-dubbju jekk għandix bħala dmir nibqa' fil-familja biex ngħinha, għax kont naf li l-familja ma kellhiex fondi. Kien hemm uħud ukoll li tawni l-parir  li nneħħi minn rasi l-ħsieb ta' patri u li nibqa' ngħin lill-familja. Iżda kienet ommi li b'kuraġġ liema bħalu qaltli «Jekk tixtieq tassew issir ġiżwita, mur, u tibza' xejn għalina; il-Bambin jaħseb fina Hu.» Dan il-kliem bqajt ngħożżu ħajti kollha, b'ammirazzjoni kbira lejn il-fidi u l-fiduċja t'ommi.

Issa li kollox beda joqgħod għan-normal, iddeċidejt li nitlob lil-ġiżwiti biex nidhol patri magħhom. Patri Glavina ħadni għand Patri Ġużeppi Delia, s-superjur tal-ġiżwiti f'Malta, u dan, wara li eżaminani bl-akbar ħlewwa, bagħatni għand żewġ patrijiet oħra ħalli jeżaminawni huma wkoll. Dawn kienu Patri Paolo Attard u Patri Mikiel Galea.

Mort id-dar ferħan u tajt l-aħbar lil ommi u lill-oħrajn. Ommi bdiet tlestili l-corredo u xi affarijiet li kelli nieħu miegħi fin-novizzjat.

F'dawk il-ġranet kont għadni qed nikteb kummidja biex jirreċtawha fis-sala ta' l-Azzjoni Kattolika. Meta fl-ewwel t'Ottubru 1945 wara nofsinhar waslet it-taxi biex toħodni n-novizzjat għidtilhom jistennew ftit ħa nilħaq nispiċċa l-kitba ta' dik il-play. Lestejtha malajr għax kien għad fadalli biss biċċa żgħira. Qomt u  bid-dmugh f' għajnejja għannaqt u tajt l-addio lil ommi u lil ħuti u huma wkoll kellhom għajnejhom iċarċru d-dmugħ. Riedu jiġu jwassluni san-novizzjat, u hekk għamlu. Oħti l-kbira riedet tifrixli hi s-sodda !

Fil-bieb tan-novizzjat sibt lil Patrijiet Ġużeppi Delia, Ġuzeppi Galea (il-Majistru), Mikiel Galea, Emmanuel Grima u oħrajn li ġew hemm apposta, jilqgħuni b'idejhom miftuħa, u jlaqqgħuni mas-seba' żgħażagħ oħra li lkoll konna se nibdew ħajja ġdida, il-ħajja bħala ġiżwiti.

Anton Azzopardi, S.J.

 

 

 

facebook youtube twitter flickr