Bqajt Fuq l-Xkaffa

Image from www.guardian.co.uk

Bqajt fuq l-ixkaffa...

 

"Imma meta ħa ssib wieħed?"

"Ma, ħallini."

"Sħabek kollha ssettiljaw...anke Ruth smajt li tgħarrset issa.  Mat-tifel tal-avukat Scerri terġa'...tifla stramba bħal dik..."

"Aħjar għaliha ma, kulħadd jagħmel fattih!"

"Ma nafx jien...int x'għandek inqas minnha?  Gustuża, intelliġenti, matura, umli, karattru taz-zokkor...

"Ma, għandi uġigħ ta' ras!"

"...ma nistax nifhem għalfejn bqajt fuq l-ixkaffa."

"Tlaqt 'il fuq jien."

B'wiċċi mqarras u mimlija suppervja u rabja minn ġewwa, inqum minn mal-mejda tal-kċina u nitla' niġri f'kamarti. 

Wara ġurnata mimlija daqs bajda bil-lectures, l-inqas ħaġa li għandi aptit nisma' hi l-qrid t'ommi waqt l-ikel.  Iżda kliemha ma nistax inneħħih minn moħħi: la meta nintefa' fuq is-sodda u lanqas meta nagħfas wiċċi mal-imħadda biex forsi nwaqqaf id-dmugħ jaħraq li issa beda jġelben ma' ħaddejja.  Kliemha jibqa' jdur u jagħqad fil-kurituri ta' moħħi u jżid fl-intensità.

Bqajt fuq l-ixkaffa.

 Moħħi jargumenta ma' qalbi.  "B'daqshekk? X'fiha billi għadek single?" jipprova jikkonvinciha.  "Għad għandek wieħed u għoxrin sena; ħajtek kollha quddiemek;  għandek ċ-ċans kollu tad-dinja biex issib il-persuna perfetta ghalik."  

Wara kollox għandu raġun: il-ħajja single hija mżewwqa b'vantaġġi li jsarrfu f'tgawdija, libertà u indipendenza.  M'hemmx għalfejn tbiddel il-pjanijiet biex issib ħin għall-għarus.  M'hemmx għalfejn tisforza ruħek biex titfa' tbissima falza fuq wiċċek meta tmur f'postijiet li jdejquk ħalli l-partner jkun jista' jiltaqa' ma' sħabu.  M'hemmx għalfejn tagħmel tabirruħek li jinterressawk il-futbol, il-Playstation jew il-karozzi biex ddum iktar minn kwarta titkellem miegħu.

U xi ngħidu għall-ħbieb? Min ikun f'relazzjoni jrid isib bilanċ bejn il-ħrug ma' sħabu u l-ħruġ mal-għarus jew l-għarusa. Biċċa uġigħ ta' ras, speċjalment meta dak li jkun ikollu jlaħħaq ma' impenji oħra bħall-istudju jew il-karriera.  Għaldaqstant, hija ħaġa naturali li tinqata' - xi ftit jew wisq - minn mal-ħbieb jekk tkun f'relazzjoni.  Mhux biss iktar diffiċli tiltaqa' ma' sħabek, iżda tidħol ukoll il-kwistjoni tal-għira.  Issib min jiddejjaq meta l-boyfriend jew l-girlfriend joħorgu ma' sħabhom, speċjalment jekk il-klikka tagħhom ikollha membri taż-żewġ sessi.

Allura għalfejn, minkejja l-vantaġġi kollha tal-ħajja single, inħoss din l-għafsa ta' qalb kull meta nintebaħ li "bqajt fuq l-ixkaffa" ? Għalfejn, inħoss dieqa u skumdità meta sħabi jitkellmu dwar l-partners tagħhom? Għalfejn nqatta' sigħat sħaħ nibki xortija f'jum San Valentinu meta ma jkollix ma' min nitgeddes, nitħabbeb u nitgħannaq?

"Sempliċi," jirrispondi moħħi.  "Il-bniedem huwa maħluq biex iħobb."  Għalhekk ħafna drabi nħossu ċertu nuqqas meta ma jkollniex dik il-persuna speċjali lejn min inkunu nistgħu nindirizzaw imħabbitna, (speċjalment fiż-żgħożija meta l-ormoni jkunu kkargati ġmielhom!), meta x-xewqa biex nesperjenzaw l-imħabba eros tkun qed tikolna minn ġewwa. 

Madanakollu, l-imħabba ma' tfissirx biss il-ġibda fiżika lejn persuna oħra. Aħna ġejna maħluqha mill-imħabba ta' Alla, imħabba li biha jixtieqna nħobbu lill-xulxin, imħabba  li tagħti l-ħajja lil ta' madwarna. Aħna mdawrin b'persuni għatxana għall-imħabba li kapaċi noffru - il-ġenituri tagħna, ħutna, shabna, il-fqir, il-batut, il-minsi. U tajjeb li meta aħna single nieħdu l-opportunita' li nagħtu l-ħin u l-imħabba tagħna aktar lill-oħrajn u mhux ningħalqu fid-dinja tagħna nibku xortina! Huwa żmien li fih naħdmu aktar biex insiru persuni sħaħ, kunfidenti fina nfusna, miftuħin għall-oħrajn ħalli meta jiġi l-waqt li nidħlu f'relazzjoni din tkun relazzjoni b'saħħitha u mhux dipendenti.

Min hu single m'għandux minn x'hiex jistħi, jiddejjaq jew jaqta' qalbu...  aħjar ddum tistenna lil Mr. Right milli tgħaġġel u tispicca ma' Mr. Right Now.  Wara kollox, min jistenna jithenna!  

 

Anna Micallef 

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000 

facebook youtube twitter flickr