Il-kamra tal-imbarazz ta’ ġewwa

Image from www.sxc.hu

Il-kamra tal-imbarazz ta’ ġewwa 

Fuq werqa ta' siġra, hemm jidhru ħames tikek żgħar distinti, lewn abjad. Kollox ħiemed għajr iż-żiffa ħafifa tmelles il-weraq bellusi li beda jitbandal mar-ritmu tagħha. Ma’ daqqa t’għajn iktar mill-qrib intbaħt, però, li dawk it-tikek m’huma tikek xejn.

Dlonk nisma’ tħaxwixa... minn fejn ġejja? Infittex ’l hemm u ’l hawn u f’salt wieħed nara t-tikek jinfetħu u minnhom joħroġ dud mimli ħajja. F’tebqa t’għajn infirex fuq wiċċ il-werqa u għattieha. Beda jiekol dak li sa ftit sekondi ilu kien għalih post ta' wens u kenn u fis il-werqa għebet. Sa dak il-ħin bsart li d-dud kien lest minn xogħlu imma bilkemm ilħaqt dawwart wiċċi li ma nilmħux fuq werqa oħra li ftit ftit bdiet tittiekel hi wkoll. Issa beda jiddaqqas u ftit minnu beda, b'arti kbira u b’paċenzja liema bħalha, jibni madwaru fosdqa. X’miraklu! X’meravilja!

 Għajr iż-żiffa ħafifa li reġgħet bdiet tfewweġ u xi ftit weraq li għebu, kollox kien jidher kalm u qiegħed. Imma mhux l-istess ġol-qalba tal-fosdqa fejn kien hemm għaddejja attivita sħiħa: metamorfosi bla waqfien – tliet pari saqajn, antenni twal u sbieħ u par ġwenħajn b’bosta lwien ikanġu u jgħajtu; tliet pari saqajn, antenni twal u sbieħ u par ġwenħajn b’bosta lwien ikanġu u jgħajtu; tliet pari... Minn dan ir-ritmu sfrenat beda ħiereġ farfett wara l-ieħor, kull wieħed ibexxaq għajnejh u jmattar ġwenħajh, ħerqan biex itir għal ġol-beraħ ta’ dinja oħra li hemm tistennieh hemm barra.

 U jien, hemm kont... hemm barra taħt is-seħer bla kliem u bla tmiem tan-natura! Imbagħad komplejt tħawwadt għall-fatt li tant sempliċità nisslet dat-taqlib kollu ta’ emozzjonijiet u bħal donnu mliet vojt mgħotti ġewwa fija. Kien propju dan il-vojt li kont nipprova nimla b’xebgħa imbarazz: msn, facebook, ħruġ u xorb bl-addoċċ u bl-għama, mużika ddamdam, tfajliet, sess, sewqan eċċessiv... Ħafna minnhom setgħu kienu ta’ ġid għalija kieku għaraft nrażżan ftit imma l-vizzju li tipprova tinsa biex taħrab mir-realtà tal-ħajja, bħal kull vizzju ieħor, jekk ma żżommlux jirkbek  u tnissel fik ħofra li kull ma jmur dejjem tikber u toħloq fik vojt ikbar. Ara naqra jien ukoll f’hiex intlift?!...  Tħabbilt u tgħaqqadt f’kobob ta’ filosofiji u metafori! Jew tgħid din il-vuċi ta’ ġo fija? X’jgħidulha bħalissa? Ija bilħaqq: il-kuxjenza. Imm’issa f’hiex daħlu Alla u r-reliġjon? Le le, dan kollu telf ta’ żmien u stress żejjed; m’għandix x’nambih!... Mhux aħjar immur immidd idejja għal biċċa xogħol siewja? Il-mistoqsija baqgħet tirbombja ġol-garigori ta’ moħħi u l-eku kompla ħaffer ix-xquq, is-sisien komplew iċedu u l-ħofra kompliet tikber.

 Madanakollu bħal donnha tnisslet mill-ġdid ċertu paċi ġewwa fija meta ftakart kif, għal mument, nsejt kollox u ntlift nitpaxxa bl-innoċenza u l-perfezzjoni li biha taħdem in-natura. Mingħajr ma kelli ċans nifhem jew ninduna, ir-ritratt mentali ta’ dawk il-ħames tikek lewn abjad fuq werqa weħidha, bis-seħer dejjiemi tiegħu ħoloq fija bniedem ġdid: bniedem li flok ikompli jħaffer għalih innifsu toqba bla qiegħ, jagħraf iċ-ċokon tiegħu quddiem il-Ħallieq u ma jiddejjaqx jidħol fil-kamra tal-imbarazz ta’ ġewwa u jarmi dak li hemm bżonn, bniedem proattiv, sempliċi, kuntent, grat, mogħti lill-oħrajn... bniedem sħiħ.

 Alla jiftaħlek il-bibien u jagħtik iċ-ċans li tagħmel x’tagħmel f’ħajtek tkun kuntent, iżda inti trid tkun lest tilqgħu ġewwa fik.. Trid temmen li mhux biss jistħoqqlok imma li Alla stess jista’ u jrid jtik dak kollu li ser jgħinek tikber. Imbagħad, bħad-dud, Alla jbiddlek f’farfett sabiħ li jagħti l-frott lilek u ’l komunità ta' madwarek.

Andre Brincat u Isaac Gatt

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000 

facebook youtube twitter flickr