IL-VERITÀ TWERWIRNI

Image from sxc.hu

IL-VERITÀ TWERWIRNI

 Dawn iż-żewġ kelmiet jesprimu fil-qasir l-esperjenza ta’ ħafna drogati li kont niltaqa’ magħhom f’Padova. Kont ngħix hemm bħala student Ġiżwita u, fil-programm tal-formazzjoni tagħna, konna nagħmlu esperjenzi ta’ servizz ma’ żgħażagħ li jkunu għaddejin minn problemi kbar f’ħajjithom.

Flimkien maż-żjajjar tiegħi fil-ħabs, darbtejn fil-ġimgħa kont mmur infittex u noffri ftit tal-ħin u xi ikel lil persuni, ħafna minnhom żgħażagħ, li daħlu fiċ-ċirku qerriedi tad-droga.

Bħal kull esperjenza oħra f’ħajti, din għallmitni ħafna, fuq il-fraġilità kbira ta’ ħafna nies u kif il-bniedem jagħżel jew jkun spiss kostrett jirreaġixxi għad-diffikultajiet billi kontinwament jaħrab mir-rejaltà ta’ min hu hu u ta’ min huma l-oħrajn.

Bosta drabi dawn in-nies jinsew id-dinja ta’ madwarhom u jaħarbu mill-ebusija tal-ħajja billi jidħlu f’dinja oħra tal-ħolm u l-fantasija, dinja eħfef u ta’ gost biss. Ir-raġuni hija li ħadd f’ħajjithom ma qalilhom kemm huma apprezzati jew uriehom li jħobbhom kif inhuma.

Paolo, ħabib tagħna li jgħix fit-toroq u ilu jieħu d-droga tletin sena, spiss kien jistaqsini imbellah, “Tista tgħidli għalfejn tiġu toqogħdu magħna meta aħna ma nagħtukom xejn għajr iktar inkwiet?”

Aħna u nagħtu ftit te’ u kejk f’inħawi fejn kienet tiġi ittraffikata ħafna droga, spiss kienet tiġini f’rasi l-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa. Il-maġġoranza tan-nies b’dan il-viżżju huma l-iktar fraġli u vulnerabbli fis-soċjetà u għalkemm għandhom ħafna ħtiġijiet, ma jaċċettawx li jibqgħu mal-merħla u taħt il-ħarsa tar-ragħaj it-tajjeb. Jista’ jkun li dawk li suppost tawhom direzzjoni u mħabba f’ħajjithom, imponewlhom ħafna kundizzjonijiet flok għenuhom jimxu wara r-Ragħaj li jieħu ħsieb b’imħabba u kura kbira.

Spiss matul is-sena li għaddiet kont nidentifika lili nnifsi ma’ dawn id-drogati l-iktar ma’ dawk li ġenwinament kienu jikxfu magħna id-dgħufijiet tagħhom u kultant, b’karba ddisprata, jitolbu li jsibu lil xi ħadd li jismagħhom u jħobbhom. Hija kiefra wisq għalihom li fl-ħajja ma sabux imħabba. Għalhekk ma jifilħux jiffaċċjaw il-verità ta’ min huma fir-realtà. Jitwerwru u ma jifilħux għal-isfida li jfittxu sens veru fil-ħajja f’imħabba li qatt ma sabu.

Kemm nitlob biex nies li bħal dawn jaslu biex jemmnu li huma maħbuba u għaldaqstant iħobbu! Imma kif jaslu għal dan jekk ma jsibux min iwasslilhom din l-imħabba? Għalhekk mat-talb tiegħi għalihom inżid talba oħra: Mulej ibgħat qlub kbar biex iwasslu l-kura u l-imħbba tiegħek lejn ħuthom imkissra u mgħaffġa mit-toqol tal-ħajja!

Karl Vella sj

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000 .

 

 

facebook youtube twitter flickr