Id-Dixxerniment Spiritwali : Tħejjija għad-dixxerniment spiritwali

Id-Dixxerniment Spiritwali : (1) Tħejjija għad-dixxerniment spiritwali

Miktub minn Fr Arthur G. Vella SJ

San Injazju ta' loyola

Illum aktar minn qabel nisimgħu jew naqraw dwar id-dixxerniment spiritwali u dwar kemm dan id-dixxerniment hu meħtieġ fil-ħajja tagħna ta’ fidi f’Alla u fil-ħajja Nisranija. Tajjeb li ngħidu mall-ewwel li d-dixxerniment spiritwali mhux xi eżerċizzju tar-ruħ li sibnieh jew skoprejnieh dan l-aħħar. Insibuh diġà fl-Iskrittura Mqaddsa u fl-ewwel żminijiet bikrija tal-Knisja.

X’inhu“d-dixxerniment spiritwali”?

Il-kelma stess “dixxerniment”  ejja minn kelma fl-ilsien Grieg, li hi “diakrinen” u li tfisser: li taf tagħżel bejn ħaġa u oħra u tagħti ġudizzju dwar ħaġa u oħra. Dan ifisser li min jaf jagħmel dixxerniment jaf jgħarbel sitwazzjoni u jagħraf jekk ħaġa hix tajba għalih jew hix aħjar minn oħra. Mela, meta ssib ruħek quddiem żewġ ħwejjeġ li minnhom trid tagħżel waħda u sintendi trid tagħżel l-aħjar waħda għalik, inti trid tagħmel dak li nsejħulu “dixxerniment”.

Issa, jissejjaħ dixxerniment spiritwali jekk f’din l-għażla li trid tagħmel l-għan ewlieni li għandek quddiemek hu li tagħmel ir-rieda t’Alla f’din l-għażla, jiġifieri, l-intenzjoni sħiħa tiegħek hi li tfittex u ssib dak li l-Ispirtu t’Alla qed inebbħek biex tagħżel u twettaq. Meta daħħalna l-kelma “spiritwali” dħalna fil-ħajja tal-fidi tagħna f’Alla.

Għalfejn id-dixxerniment spiritwali?

F’ħajjitna ta’ spiss nistgħu nsibu ruħna f’sitwazzjoni meta ma nafux x’inhu l-aħjar li nagħmlu, x’inhu dak li jrid Alla minna f’din is-sitwazzjoni, x’inhu dak li l-aktar jogħġbu.

Mela nistgħu ngħidu b’mod ġenerali li d-dixxerniment spiritwali hu eżerċizzju jew mod ta’kif infittxu u nagħżlu minn fost diversi ħwejjeġ li jkollna quddiemna dak li Alla jkun irid minna.

Il-kelma ‘spiritwali’ hi important ħafna, għax din turina li dan id-dixxerniment hu differenti minn kull dixxerniment ieħor, għax għandu bħala għan ewlieni t-tfittix u l-għarfien tal- ħidma tal-Ispirtu s-Santu fina u f’ħajjitna biex b’hekk nagħrfu x’qed jgħidilna dan l-istess Spirtu u ‘l fejn qed imexxina.

Mhux tant faċli daqskemm wieħed jaħseb li tagħmel dixxerniment spiritwali tajjeb, għax fil-ħajja tagħna hemm diversi ħwejjeġ li jinfluwenzawna u jiġbduna lejn naħa jew oħra. Fost dawn il-ħwejjeġ hemm ukoll qawwiet jew spirti li mhumiex l-Ispirtu t’Alla u li jiġbduna ‘l bogħod mill-Ispirtu t’Alla. Kif sejrin nindunaw u nagħrfuhom? Għalhekk, jeħtieġ id-dixxerniment spiritwali!

Mhix ħaġa ħafifa tagħraf tagħżel bejn dak li Alla qed jiġbdek biex tagħmel u li tkun ir-rieda qaddisa Tiegħu u tendenzi oħra li nħossu ġewwa fina u barra minna u li jiġbduna biex nagħżlu u nagħmlu dak li hu kuntrarju għar-rieda t’Alla.

Fl-Iskrittura Mqaddsa

Fil-bidu għedt li dan id-dixxerniment spiritwali nsibuh fl-Iskrittura Mqaddsa. Dan id-dixxerniment insibuh mhux biss fil-Vanġeli, speċjalment fit-tagħlim li Ġesu jagħti permezz tal-parabboli, iżda wkoll fl-Ittri ta’ San Pawl u ta’ San Ġwann, għax it-tnejn urew lill-ewwel Insara li kien hemm bżonn li jagħmlu dixxerniment spiritwali biex jagħrfu sewwa l-Ispirtu ta’ Ġesu u ma jiġux imqarrqa minn spirti ħżiena li kienu diġa qegħdin iserrpu fost l-ewwel komunitajiet Insara.

Insemmi biss żewġ okkażjonijiet: San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani (12:1-2 ) iwissihom: “Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena t’Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu (jiġifieri, tagħmlu dixxerniment ta’) x’inhi r-rieda t’Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.”

San Ġwann fl-Ewwel Ittra lill-ewwel Insara jgħidilhom: ”Għeżież, mhux lil kull xorta ta’ spirti għandkom temmnu. L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla, għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħarġu fid-dinja. L-ispirtu t’Alla tagħrfuh b’dan: kull spirtu, li jistqarr li Ġesu Kristu sar bniedem, hu minn Alla” (4:1-2).

Meta jeħtieġ nagħmlu dixxerniment?

Meta hu meħtieġ li nagħmlu dixxerniment spiritwali? Biex ma nitfixklux f’dak li qegħdin

ngħidu, tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li d-dixxerniment ma jsirx fuq ħwejjeġ li dwarhom nafu diġa x’inhi rrieda t’Alla. Hekk, per eżempju, ma nagħmlux dixxerniment dwar il-kmandamenti t’Alla jew dwar it-tagħlim tal-Vanġelu jew it-tagħlim infallibbli tal- Knisja. Dwar dawn nafu diġa x’qed jgħidilna Alla li għandna nagħmlu jew ma nagħmlux u għalhekk ma jidħolx id-dixxerniment.

Mela, il-ħwejjeġ li dwarhom nagħmlu dixxerniment spiritwali huma dawk li dwarhom għadna ma nafux xi jrid minna Alla, fi kliem ieħor, ma nafux x’inhu l-aħjar li nagħmlu jew x’inhu dak li l-aktar jogħġob ‘l Alla. Nagħmlu dixxerniment spiritwali biex nagħrfu nagħżlu sew bejn ħwejjeġ li huma lkoll tajbin fihom infushom u li la huma pprojbiti u lanqas ma huma ta’ obbligu.

Għalhekk, ikun hemm bżonn nagħmlu dixxerniment għax ma nafux liema ħaġa hi tajba għalina, liema Alla jridna nagħżlu.

Importanti li qabel ma wieħed jew waħda tibda d-dixxerniment ikollha ċar quddiemha dwar liema ħaġa trid tagħmel l-għażla.

Għalhekk trid tiġbor tagħrif u informazzjoni dwar iż-żewġ ħwejjeġ li għandha quddiemha biex permezz tad-dixxerniment spiritwali tagħżel waħda minnhom, jiġifieri, dik li tħoss u li tara li hi r-rieda t’Alla għaliha.

Fl-artiklu li jmiss naraw x’għandhom ikunu l-kriterji u l-kundizzjonijiet biex isir dixxerniment spiritwali.

(Dawn l-artikli sejrin jinħarrġu f'serje, kull nhar ta' Ġimgħa.)

 

facebook youtube twitter flickr