Intervista...ma Anthony Mifsud

Anthony Mifsud, 29, żgħażugħ, gradwat fix-xjenza u fil-filosofija, qed jispiċċa Masters fil-Youth Ministry.... hu ukoll President tal-KDŻ minn Ottubru li għadda. Xtaqna nintroduċuh liż-żgħażagħ f’Malta!

 President tal-KDŻ …xi tfisser għalik?

Jiena persuna li jemmen ħafna li l-esperjenza ta’ knisja tista tgħixha bħala żgħażugħ u li hemm ħafna żgħażagħ li jgħixu din l-esperjenza fi gruppi u realtajiet differenti. L-esperjenza tiegħi nirringrazzja ‘l Alla kienet varjata ħafna, kemm fuq livell ta’ studji: mix-xjenza, għall-filosofija u issa fil-ħidma maż-żgħażagħ. Ħdimt maż-żgħażagħ waqt irtiri u waqt avventuri, f’volontarjat kemm Malta kif ukoll barra minn Malta, u f’kull esperjenza għaraft is-sabiħ u l-ħajja li tistedinnha għaliha il-fidi tagħna. Ma kienetx faċli li xi ftit xhur ilu nidħol għal responsabbilta bħal din. Pero aċċettajt proprju minħabba li nara fiha stedina partikolari lill-lajċi u liż-żgħażagħ biex ikunu u jħossuhom Knisja.

 X’viżjoni għandkom bħala KDŻ?

Ir-rwol tal-KDŻ huwa dak ta’ network li jagħti viżjoni lir-realtijiet kollha taż-żgħażagħ fi ħdan l-Knisja. Diġa’ fl-ewwel ftit xhur għixt din l-esperjenza ta’ Knisja żgħażugħa u ħajja, mill-ħafna esperjenzi li nirringrazzjaw ‘l Alla jeżistu fil-Knisja Maltija. Bħala Kummissjoni l-viżjoni tagħna hi li naraw liż-żgħażagħ bħala protagonisti u evanġelizzaturi tal-esperjenza ta’ Kristu, li jgħixu fil-Knisja u man-nies ta’ madwarhom. Sabiex nagħmlu dan il-KDŻ tappoġġa b’modi differenti, fosthom permezz tal-formazzjoni, tal-laqgħat nazzjonali u distrettwali flimkien u laqgħat ukoll internazzjonali. L-esperjenza mal-Papa fuq l-Waterfront tibqa’ f’qalbna u tiggwidana għax rajna żgħażagħ minn kull esperjenza tal-Knisja, li ġew flimkien u għarfu dak li qalilhom l-Papa’, li propju ħadd mhu eskluż mill-istess Knisja u fl-istess ħin sfidhom għall-ħajja tal-qdusija.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi liż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-paġna?

Lejliet il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se nkunu qed niċċelebraw ma’ żgħażagħ mid-dinja kollha f’Madrid f’Awissu  l-isbaħ messaġġ li nista naqsam huwa dak għal din l-okkażjoni: ‘Niżżlu egħruqkom fiH, ibnu ħajjitkom fuqu, issaħħu fil-fidi.’ (Kor 2:7). L-esperjenza li nagħmlu ta’ Kristu u tal-Knisja hija esperjenza li ttina l-ħajja. Din nistgħu ngħixuha b’modi differenti u l-Knisja f’Malta għandha ħafna x’toffri! Il-ħajja fi Kristu ngħixuha f’kommunitajiet ta’ fidi fejn jinqasmu flimkien l-esperjenzi tal-ħajja, f’għaqdiet fejn l-isport iġib ż-żgħażagħ flimkien, oħrajn jingħaqdu għall-esperjenzi ta’ volontarjat, oħrajn jiġġieldu għall-ġustizzja soċjali, u oħrajn biex ifaħħru ‘l Alla bil-kant. L-istedina tiegħi hija li kulħadd isib l-mod tiegħu biex jiċċelebra, jgħix u jixhed il-fidi tiegħu, bl-istil tiegħu; bħal ma se nagħmlu x-xahar d-dieħel f’Madrid.

Jekk nkunu nistgħu nkunu ta’ għajnuna biex issibu esperjenza addatata għalikom ibgħatulna e-mail fuq info@kdz.org.mt jew żuru l-website tagħna fuq www.kdz.org.mt 

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista ta' Flimkien

facebook youtube twitter flickr