Esperjenza ta Ruth fl-Egittu

Esperjenza ta Ruth fl-Egittu

Riħ jaħraq, ġenn ta’ karrozzi, belt maħmuġa. Dawn kienu l-ewwel affarjiet li rajt u ħassejt kif wasalna l-Eġittu u f’qalbi, għalkemm ma ridt nikkonkludi xejn, għidt “ħa naraw x’ġej...”

Patri Twanny kien ġie għalina u dakinhar dawwarna ftit mal-kapital: il-Kajr. L-għada kien se jwassalna sa’ Minja, l-post fejn kellna naħdmu: vjaġġ ta’ ħames siegħat bil-karozza.

 ...imma fl-aħħar wasalna u b’hekk bdiet l-esperjenza tagħna fl-Egittu.

 F’Minja, għalkemm il-post mhux wisq aħjar mill-Kajr, pero’ id-djar huma baxxi, karrozzi ma tarax wisq – aktar ħmir u muturi tara – u allura, għalkemm mhix belt nadifa (l-art miksija bit-trab, ir-ramel u l-ħmieġ) almenu tara d-dawl tax-xemx u l-bini mhux kollu iswed bl-‘exhaust” tal-karozzi.

(Fr.Twanny darba ċċajta “hawn QATT ma tagħmel ix-xita imma dejjem timxi fit-tajn” – u tassew minnu għaliex sabiex ma jtirx it-trab, in-nies il-ħin kollu jxarrbu l-art biex “joqgħod” it-trab u b’hekk tassew li prattikament dejjem miexi fit-tajn. ...Meta m’intix miexi fit-tajn, hemm it-trab u r-ramel dieħel f’għajnejk!)

 Il-Ġiżwiti ġewwa Minja għamlu u qegħdin jagħmlu biċċa xogħol impressjonanti. Patri Twanny li ilu hemm is-snin - qabel biss twelidt jien! - bena ċentru tal-ġenn għat-tfal, iżur il-familji fil-villaġġi, jgħinhom jibnu djar aħjar (bil-gebel flok bit-tajn u z-zkuk), jorganniżża l-attivitajiet u l-katekiżmu u minn jaf kemm xogħol ieħor minn wara l-kwinti.

Xogħli sakemm kont hemm kien primarjament li ngħallem l-Ingliż u ngħin fl-attivitajiet, fil-logħob, fil-‘crafts’ u f’kull ħaġ’oħra li nista. Ma nistax ngħid li wettaqt dan kollu b’mod assolut u/jew regolari, ħlief forsi fejn jidħol l-Ingliż, pero’ għamilt ħilti u kuntenta bil-ftit tiegħi.

Matul il-ġurnata kont, primarjament, inqatta l-ħin tiegħi ngħallem l-Ingliz: lit-tfal, iż-żgħażagħ, nisa u persuni b’diżabbilita. Filgħodu, darbtejn fil-ġimgħa, kont inqatta ftit ħin fil-klassijiet tat-tfal tal-kinder u fl-għaxija kont immur iċ-ċentru ngħin it-tfal u l-adolexxenti fil-“homework” u l-istudji tagħhom.

Minkejja li xogħli kien jikkonċerna l-aktar t-tagħlim u studju akkademiku, pero’ bosta drabi ħassejt li importanti wkoll – u forsi iżjed – kien il-mod ta’ kif ngħallem, nittratta u nikkomunika man-nies.

Ħassejt li għalkemm huma nies li tassew jilgħuk u jafu jħobbu, mhux l-istess jista’ jingħad għall-mod ta’ kif inhuma trattati huma. In-nisa mhumhiex stmati sew jew daqskemm meħtieġ, it-tfal xi drabi qishom qed jeżistu mhux jgħixu: skjavi ta’ l-iskola jew l-istudju u mhux l-ewwel darba li jaqilgħu xi xebgħa tajba (tista tkun l-inqas ħaġa) u fejn jidħlu u l-persuni b’diżabbilita mbagħad, min ma jħarisx lejhom bl-ikraħ jarahom bħala “imsieken” ...’persuni’ li m’huma kapaċi għal xejn. 

 Meta iltaqajt u ħdimt ma nies hekk kont dejjem nemmen li l-imġieba tiegħi trid tkun eċċezzjonali jew ta’ l-inqas mill-aħjar: li meħtieġ nittratta lil kull persuna b’aktar imħabba u rispett ...għaliex dawn in-nies huma neqsin minnha u allura jeħtieġuha aktar. Bosta persuni kienu jħossuhom inferjuri u ma jiswew xejn. Is-‘self-esteem’ kien baxx għall-aħħar u allura l-mod ta’ kif nimxi magħhom kien ferm importanti. B’kelma waħda persuna stajt faċilment nkissirha u b’kelma tajba stajt ngħina temmen fiha nfisha. Ħafna drabi skoprejt li l-aktar li kienu qed jistennew kienet l-attenzjoni u r-rispett: li xi ħadd jismagħhom u jittratthom bil-ħlewwa. Hija l-‘inqas’ ħaga u fl-istess ħin l-IKBAR ħaġa li stajt nagħmel – u għamilt l-almu tiegħi fiha.

 L-esperjenza tiegħi fl-Eġittu kienet waħda tal-ġenn. Mhux se ngħid li ma kienx hemm mumenti difiċli – bħal meta tħoss li s-sħana qed tipprova toqtlok, mumenti fejn tikklashja ftit ma’ sħabek il-voluntiera l-oħra, drabi fejn issib li xi wirdiena iddur fil-kamra sempliċiment meta jiena nibża tant minnha. Pero’ dan kollu ma ħassar XEJN mis-sbuħija ta’ din l-esperjenza.

Li tqatta’ ftit żmien bogħod min-niesek u ma’ nies oħra biex taqdihom u tgħinhom fejn tista’ hija esperjenza meraviljuża. Huma nies li japprezzaw u jifirħu bl-inqas ħaġa u jgħallmuk tgħożż dak li hu sempliċi u importanti. Inti tagħti pero dak li tirċievi huwa bil-wisq akbar minn dak li tagħti. Min qatt daq il-volontarjat dan jifhmu. Min għadu le irid iduqu biex jifhem xi jfissru dawk li jgħidu dan.

 

Ruth Vella għexet din l-esperjenza ta’ sitt xhur ġeww l-Eġittu. Kien proġett tal-European Voluntary Service imtella’ mill-inYgo. Dan il-proġett ġie finanzjat bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea.

Din il-publikazzjoni tirrifletti (Dan il-komunikat jirrifletti) l-opinjonijiet ta’ l-awtur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kull tip ta’ uzu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fiha ( fih).

facebook youtube twitter flickr