Esperjenza ta Samuela fic-Chile

Esperjenza ta Samuela fic-Chile

L-imħabba ma tintemm qatt…

 

Samuela Galea qed tispiċċa esperjenza ta’ sena bħala voluntiera f’Santiago, iċ-Ċile. Hi qed taħdem f’programm mal-Hogar de Cristo, organizazzjoni mwaqqfa’ mill-qaddis Ġiżwita Alberto Hurtado. Samuela taħdem biex jissaħħu d-drittijiet tat-tfal li ġejjin minn familji li jgħixu f’ambjent fqir, li huma vittmi ta’ abbuż fiżiku jew ta’ bullying u jbagħtu min-nuqqas t’ikel, ta’ edukazzjoni jew trobbija tajba.

  

'Kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba,  xejn ma jkun jiswieli ta' ġid..'

 

Wieħed mit-tfal li ngħinu hawn għandu ommu u missieru alkoħoliċi u jgħixu ġo kamra żgħira magħmula minn biċċiet mormija tal-injam, li tidħol fiha tħossha ser taqa’ fuqek ma' kull pass; għandhom sodda waħda bejn tlieta u la għandhom cooker u l-anqas heater… u hawnhekk il-kesħa kiefra. Il-flus li jaqilgħu ommu u missieru jonfquhom kważi kollha fix-xorb; ħlief ħobż u ħass ma jagħtuhx x'jiekol. Darba konna tajnih żarbun u ommu biegħtu biex tixtri wieħed għaliha u iktar xorb! Tħares lejn it-tifel taħsbu abbandunat, ma jgħaddilekx minn moħħok li għandu ġenituri b'saħħithom li suppost kapaċi jieħdu ħsiebu. Mhux talli hekk, talli ma jfittxux xogħol sura biex jgħixu minn fuq il-ftit għajnuna finanzjarja li jagħtihom il-Gvern. X’ħasra… jippreferu l-faqar milli jaqdfu huma għal rashom! Għalkemm m'għandhomx kontijiet tad-dawl u l-ilma u ħtiġijiet oħra x’iħallsu, għalfejn għandhom jikkundannaw lil binhom jgħix fil-miżerja għall-kapriċċ tal-vizzju tagħhom? X'jaħti miskin?

 

'L-imħabba taf tistabar u tħenn;'

 

Omm żagħżugħa ta' 24 sena, għandha disat itfal, u kellha tlieta oħra li kienu mietulha wara t-twelid, kollha minn missirijiet differenti li qas hi stess ma tiftakar min kienu. Biex tgħaxxaq meta nqabdet tqila bl-aħħar tifla qabdet il-vizzju tad-droga u issa t-tifla bil-kumplikazzjonijiet f'saħħitha, l-omm bla xogħol, tixrob u tieħu d-drogi d -dar bit-tfal magħha!

 

'l-imħabba m'hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nnifisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn;'

 

Omm oħra ta' tliet subien – wieħed għadu tarbija –, żewġha jsawwatha speċjalment meta jkun f’sakra ma jarax art. Darba wasal id-dar u nifidha f'żaqqha b'sikkina quddiem it-tfal. Issa t-tifel il-kbir jemmen u jgħidilna: “Ir-raġel jikkmanda ġod-dar u jekk il-mara ddejqu kemm jaqbad u jdaħħlilha sikkina f'żaqqha!”

 

'ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha,'

 

Tfajla abbandunata minn ċkunitha kienet abbużata minn missierha tant li issa temmen li l-unika forma ta' mħabba hi l-abbuż għax l-unika attenzjoni li kellha kienet tiegħu!

 

'xejn ma tinkorla; ma żżommx f'qalbha għad-deni..''

 

Tfal ta' sitt snin li ma jlissnux ħlief dagħa, joħorġu s-sebgħa tan-nofs iktar milli jxejjru, u sakemm qrajt s'hawn hemm tfal jitraffikaw d-droga, jisirqu xi dar u jsawtu lil min isibu fiha. Dan frott il-faqar? Nuqqas ta' tagħlim? Inġustizzja? 

Kieku kont tgħix ġo kundizzjonijiet daqstant kiefra fi tfulitek, kieku qatt ma kellek par kalzetti tiegħek fejn kont tispiċċa? Dawn għażlu li jimxu wara l-kefrija li offritilhom il-ħajja sa ma fl-aħħar saru parti minnha. Jekk qalbhom daqshekk mifnija bid-dwejjaq, jekk jħossuha tant maqtugħa minn kull forma ta' paċi; jekk ma jafux x’inhi mħabba għax qatt ma rawha sal-punt li l-minuta gost tal-ecstasy teħlishom u sserraħhom minn dak li jridu jseffqu wiċċhom miegħu ta’ kuljum, ittihom tort sa barra li jagħmlu dak li jagħmlu? Minn fejn taqbad tibda biex tgħinhom?

 

'ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità;''

 

Għalfejn ikkunsidrati fqar? Ħajjithom konsegwenza tal-lussu li hemm fuq n-naħa l-oħra tat-triq: l-għonja li mingħalihom qegħdin fil-paci. L-iżball tal-fqir huwa reat, dnub, ħazen li jimla l-aħbarijiet. F'liema mument tbiegħdu daqstant mill-ħolqien, mill-bqija tas-soċjetà? Minn mindu bdejna nkejlu l-faqar skont in-nuqqas ta' ħwejjeġ materjali, l-istess ħwejjeġ li huma simbolu ta' poter u għana.

Mhux faqar ukoll li jkollok timxi għoxrin minuta għal barmil ilma? Kemm imxejna tassew  'il quddiem jekk dawn ir-realtajiet u oħrajn għadhom fostna?

 

'kollox tagħder, kollox temmen..'

 

Bejni u bejn ruħi nistaqsi: Meta kien l-aħħar darba li ħarist lejn s-sema u l-istilel, li hallejt dubbiena ttir għall-affari tagħha? Id-dubbiena vera ddejjaqni jew niddeciedi li ser iddejjaqni jekk ma noqtolhiex ħalli ma jmurx ittellifli l-paċi. Il-vera paċi?!

 

Xi darba nħlaqna bħala parti mill-ħolqien. Xi darba l-Mulej talabna nħobbuh fis-sempliċità ta’ ħajjitna. Nsejnieh dan? Nħossni nara dat-taħwid kollu u ngħid: Fejn hu s-sabiħ? X'għad isir minn dan kollu?

 

'kollox tittama, kollox tissaporti..'

 

Imbagħad fis-silenzju Ġesù jwieġeb u fit-tbissima tat-tfal ninduna li għalkemm niċħduh, jibqa’ jħobbna u l-ħsieb biss jimlini bil-ferħ... xi ġmiel! Imħabbtu infinita u tagħtina l-kuraġġ nagħmlu l-istess, tagħtina kuraġġ ma noqtlux dubbiena, kuraġġ biex lil xi ħadd li jitraffika d-droga, li jabbuża, li jisraq jew iġib inġustizzji, inħobbuh xorta kif iħobb Hu. Ħaġa waħda biss tfejjaq u tghin… l-imħabba!

 

'L-imħabba ma tintemm qatt.'  

Dan il-proġett ġie ffinanzjat bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea.

Din il-publikazzjoni tirrifletti (Dan il-komunikat jirrifletti) l-opinjonijiet tal-awtur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kull tip ta’ użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fiha ( fih).

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

facebook youtube twitter flickr