Esperjenza fil- Kenya

Esperjenza fil- Kenya

Nitgħallem, Nħobb, Naqdi

John Paul Cauchi, 24, gradwat fil-mediċina u Pauline Bartolo, 25, gradwata fl-Inġinerija għadhom kif waslu lura minn esperjenza ta’ sena volontarjat fil-Kenya. Dan kien proġett iffinanzjat mill-Europa imma maħdum flimkien mal-Ġiżwiti u il-Kommunitajiet ta’ Ħajja Nisranija fil-Kenya.

 John u Pauline għamlu sena jaħdmu ġo s-slums ta’ Kibera fil-belt Kapitali, Nairobi. Kibera! Madwar miljun persuna, mingħajr tojlits u kumditatijet. Immaġinawhom jgħixu ġo spazju fih daqs Birkirkara u Ħ’Attard. Immaġina l-popolazzjoni ta’ Malta imdeffsa ġol-Belt. Baħar ta’ djar taż-żingu u tajn, mingħajr sistema ta’ drenaġġ, bi xmara sewda faħma tgħaddi minn nofsu, li ħafna tfal isejħulu playground.

John u Pauline marru biex jaħdmu ma’ studenti żgħażagħ affettwati mill-marsa tal-AIDS, li f’pajjiż fejn mhemmx skola sekondarja b’xejn, qegħdin f’kulleġġ grazzi għall-donaturi Amerikani. Kienu jagħtuhom appoġġ, jisimgħu l-problemi tagħhom u jgħinuhom kif nistgħu waqt li huma kienu qed jagħmlu ħidma volontarja wara l-A Levels tagħhom. Kienu wkoll jgħallmuhom Ingliż, Fiżika, Bioloġija u Matematika.Bdew proġett KIDS’ PALACE, baby care centre fejn tfal ta’ bejn sitt xhur u sentejn u nofs setgħu jiġu waqt li l-ġenituri jfittxu xogħol. Dan il-care centre, li sar grazzi għal donazzjonijiet li rċevew minn Malta, sar ġo dar żgħira f’parti aħjar ta’ Kibera mill-bqija, u hemm ġabulhom sodod, ikel tajjeb u għandhom ukoll tojlit.. ħaġa kkunsidrata lussu f’dan is-slum miżeru.

John jikteb hekk fuq din l-esperjenza:

‘Taħdem f’post bħal Kibera mhux faċli. Kultura differenti. Dinja differenti. Il-Kenya pajjiż mill-isbaħ -foresti, Xmajjar, Bajjiet, Deżerti, Muntanji, anke bis-silġ - kollox issib! Din hija l-Afrika vera.. imma hija sfortnament l-Afrika li qed tinqered, parzjalment minħabba l-Kolonjaliżmu li għaddiet minnha, li l-effetti għadhom jinħassu anke llum. Issa l-Afrika qed tittieħed mis-superpotenzi ta’ żmienna, bħall-Amerika, iċ-Cina, l-Unjoni Ewropea u diversi potenzi li, biex jgħixu fil-kumdita’, jagħmlu ħerba minn kontinent mimli rikkezza, b’riżultat ta’ gwerer, faqar estrem u tbatijiet kbar għall-Afrikani stess.

Din l-esperjenza fetħitli ħafna għajnejja fuq kif taħdem id-dinja... Fuq kif ir-risposti għall-faqar mhumiex sempliċi. Fuq kif l-ammonti enormi ta’ flus li jintbagħtu l-Afrika mhux dejjem jispiċċaw f’idejn in-nies li għandhom bżonnhom, jew mhux b’mod għaqli. Urietni ftit il-miżerja u disprament ta’ nies li huma foqra b’mod estrem, u kemm hija tassew enormi s-sfida li telimina l-faqar minn post bħal Kibera. Kienet esperjenza wkoll li ġgħelitni nikber f’ħafna affarijiet – f’li tipprova tifhem u ma tiġġudikax, f’li ssir aktar assertiv, u sirt naf lili nnifsi ħafna aħjar ukoll, fit-tajjeb u d-djufijiet tiegħi.

Hija esperjenza li tgħinek tapprezza b’mod ġenwin dak kollu li għandek, u tara kemm tant flus jinħelew f’affarijiet żgħar li nistgħu ngħaddu mingħajrhom jekk wieħed biss jieqaf jaħseb. Nittama li sirt bniedem li, għalkemm jinsab perpless bil-kumplessita’ ta’ dinja inġusta, sar jifhem xi ftit aktar il-bniedem li jgħix fiha.’

Għal Pauline din kienet l-esperjenza:

‘Iż-żgħażagħ li ħdima magħhom kienu ta’ ispirazzjoni għalija. Ġejjin minn familji b’qagħda diffiċli. Waqt li jistudjaw iridu jieħdu ħsieb lil ħuthom u jipprovdu għall-familja tagħhom. U minflok ma jgergru fuq dan kollu, jaqdfu kull ġurnata. Il-ħolm tagħhom, u l-fidi tagħhom... dawn iżommuhom għaddejjin.

Din l-esperjenza għenitni ma niġġudikax imma li nisma’ b’qalb miftuħa u nipprova nifhem mill-aħjar li nista’ kif dawn in-nies jistgħu jgħixu fi slum u fil-miżerja bħal dik.

Il-Kultura fil-Kenya donnu timxi ħafna fuq dak li jgħid il-Vanġelu li tafda lil Alla f’kull ma għandek bżonn u li għada jieħu ħsieb tiegħu innifsu. Jien qed nipprova ngħix aktar bħalhom f’dan ir-rigward biex inkun nista’ napprezza il-grazzji kollha u l-affarijiet kollha sbieħ li għandi, mingħajr ma noqgħod newden fuq dak li ġara lbieraħ jew ninkwieta fuq dak li se jiġri għada!’

facebook youtube twitter flickr