On Saturday 21st April, Maltese Jesuit scholastic Christopher Vella was ordained deacon in the Society of Jesus by Mgr Jean-Claude Hollerich in Paris at the church of St Ignatius in Paris, together with 10 other young men from around the world.
We asked Chris to share a few thoughts with us, in anticipation of this special day. Please scroll down to view images from the day.
'Fil-21 t’April se niġi ordnat djaknu fil-knisja ta’ Sant’Injazju f’Pariġi flimkien ma’ għaxar Ġiżwiti oħra minn pajjiżi differenti. Pass importanti fil-mixja tiegħi bħala Ġiżwita; pass fejn id-deċiżjoni li nkun ta’ servizz lill-poplu t’Alla se tieħu dimensjoni ekkleżjali. L-isqof, bit-tqegħid tal-idejn tiegħu fuqna se jikkonfermana f’dan is-servizz tal-Knisja.
Il-kliem “djakonat” u “djaknu” ġejjin mill-kelma griega 'diakonos', li tfisser qaddej. L-istituzzjoni ta’ l-ewwel djakni nsibuha fil-ktieb tal-Atti kapitlu 6:
“Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom fuqhom.” (Atti 6, 5-6)
Xi tfisser għalija l-ordinazzjoni djakonali? L-ewwel ħsieb li ġieni f’rasi meta bdejt naħseb dwar dan hu li d-djakonat hu pass intermedjarju għall-ordinazzjoni presbiterali. U peress li ż-żmien bejn iż-żewġ ordinazzjonijiet hu qasir, kelli t-tentazzjoni li nikkunsidra d-djakonat sempliċement bħala stadju temporanju, b’importanza mhux daqshekk kbira. Però llum naħsibha mod ieħor. L-ordinazzjoni presbiterali ma’ tħassarx l-ordinazzjoni djakonali; il-presbiterat jżid xi ħaġa mad-djakonat mingħajr ma jeħodlu postu. Anzi ngħid iktar minn hekk: il-presbiterat jitlef il-veru sens tiegħu mingħajr id-dimensjoni djakonali. Jekk il-presbiteru jinsa li l-ewwel u qabel kollox hu djaknu, qaddej, hemm ċans qawwi li dak li jagħmel ma jagħmlux verament għall-Knisja u għall-poplu t’Alla l-Ħallieq. Infatti San Pawl appostlu iqis lilu nnifsu djaknu kif kiteb fl-ewwel ittra lill-Korintin:
“U min hu Apollo? Min hu Pawlu? Huma l-ministri (diakonoi) li permezz tagħhom intom emmintu u kull wieħed minnhom skond ma’ tah il-Mulej. Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar.” (1Kor 3,5-6)
U x’tip ta’ servizz aħna msejħin nagħtu? Dan jista’ jvarja ħafna skond is-sitwazzjoni ta’ kull wieħed imma l-ewwel u qabel kollox aħna msejħin biex inkunu nkunu ma’ Ġesù: “Tela' fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu…” (Mk 3,14). M’hemmx servizz li aħna nistgħu nagħtu mingħajr Kristu; m’aħna xejn ħlief kollaboraturi ta’ Kristu.
Servizz importanti li d-djaknu, il-presbiteru u l-Knisja kollha, lajċi nkużi, aħna msejħin nagħtu hu li niftħu għajnejna għas-sinjali taż-żminijiet u li ninterpretawhom skond id-dawl tal-Vanġelu, biex inkunu nistgħu nirrispondu b’mod adatt għall-mistoqsijiet eterni u profondi tal-bniedem dwar is-sens tal-ħajja preżenti u fuq ir-relazzjonijiet reċiproki (ara Gaudium et Spes 4§1).
Biex inkunu veru ta’ servizz għall-Vangelu, hemm bżonn li naraw il-bżonnijiet tad-dinja tal-llum u nisimgħu l-karba ta’ dawk li huma fil-bżonn u nirreaġixxu skond l-Ispirtu tal-Vangelu, l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, li għadu jaħdem sal-llum għax, kif wegħdna hu: “Jien magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mt 28,20)