Patrick Magro SJ jiktbilna mill-Colombia

Patrick Magro SJ, li spiċċa l-kariga tiegħu ta' Rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi fi Frar, kiteb mill-Colombia fejn qiegħed joffri s-servizz tiegħu bħala Ġiżwita għal ftit xhur. (Fis-slideshow taraw ukoll ir-'Run for Others' li Fr Patrick għamel f'Barranca, Colombia, biex jiġbor fondi għal programm edukattiv li l-Ġiżwiti joffru hemmhekk).

 

'Jien qattajt tlett ijiem Bogotá x'ħin wasalt u daħluni sew fil-picture ħalli nkun ippreparat għal hawnhekk, imbagħad gejt ’l hawn, Barrancabermeja, fejn qiegħed bħalissa. Ngħid il-veritá kuntent ħafna u dan iż-żmien qed jiswieli ħafna. Inħoss li għandi ritmu ta’ ħajja tajjeb ħafna biex nistrieħ u nitlob u nirrifletti u wkoll naħdem man-nies. Xi drabi jkolli nissielet ftit biex inżomm il-bilanċ, għax kif nitlaq ir-riedni malajr nintela xogħol u ġiri....li fil-fatt l-iktar ħaġa li tiġini naturali!! Imma qed nagħmel ħilti biex noqgħod attent sabiex nuża dan iż-żmien biex nitlob iktar u nirkupra tajjeb wara 10 snin ta’ ħajja mimlija ħafna bil-piż tat-tmexxija tal-Kulleġġ. 

Jien f’ambjent bħal ta’ hawnhekk inħossni tajjeb ħafna, ħajja sempliċi għall-aħħar, ħajja viċin il-fqar, ngħix is-saċerdozju fl-aħjar tiegħu. Hawnhekk vera dinja oħra, ha ngħidlek!... Hawnhekk, f’din iż-żona tal-Colombia magħrufa bħala El Magdalena Medio (El Magdalena mhux il-Madalena tal Vanġelu, imma x-xmara!!) għandna tlett parroċċi, din l-unika komunitá li hawn. Kull waħda minn dawn il-parroċċi fiha estensjoni ta’ iktar mit-teritorju ta' Malta u daqs 20,000 persuna!!

Il-Ġiżwiti li naħdmu f’żewġ parroċċi noqgħodu hawn f’din id-dar, tlieta oħra li jagħmlu parti minn din il-komunitá joqgħodu fil-knisja tal-parroċċa għax qegħdin daqs siegħa w nofs minn hawn bid-dgħajsa - ma tistax tasal bit-triq!

Jien qed nghin l-iktar fil-parroċċa San Pedro Claver, għax din il-Parroċċa magħmula minn 7 knejjes. Jigifieri kull nhar ta’ Ħadd għandna 10 quddiesiet! Fit-tridu kelli nagħmel iċ-ċelebrazzjonijiet għal 7 darbiet kuljum, u nivvjaġġa minn post għall-ieħor. Inħlibt fiżikament imma ngħid id-dritt, qattajtha tajjeb għax jien ma tantx tiswieli noqgħod nimxi jew niġri minn post għall-ieħor fuq saqajja jew fuq xi dgħajsa. U kull komunitá sabiħa u hawn kulħadd ikanta u jagħmel u tieħu gost, għalkemm xi ftit tgħejja. 

Is-sitwazzjoni hawn ikkumplikata ħafna mhux biss minħabba l-faqar li jgħixu fih in-nies, li huwa kbir, imma minħabba l-istorja twila ta’ konflitt. Dan wieħed mill-iktar postijiet jaħraq tal-Colombia, in-nies raw ħafna vjolenza, u sa llum hawn ħafna vjolenza. Hawnhekk hawn relazzjoni diffiċli ħafna bejn il-militar, il-pulizija, il-para militari, fazzjonijiet differenti tal-gwerilla.....

Ħaġa sabiħa ħafna li aħna l-Ġiżwiti hawn man-nies ħafna, hekk, u ngħixu bħalhom. Vera li l-hin kollu bin-nies hawn, xi drabi ma nkunx naf jekk inix fil-komunitá jew fis-suq!! Imma sabiħ hekk. In-nies ifittxuna ħafna u jorbtu ħafna fuq is-support tagħna. Ovvjament, limitat dak li nistgħu nagħmlu sewwa. Żgur mhux ser inbiddlu s-sitwazzjoni kumplessa tal-faqar, jew tal-konflitt. Imma nagħmlu li nistgħu.

Iż-żewġ ħidmiet kbar tagħna f’dan il-kuntest huwa l-ewwel, nkunu xhieda tal-imħabba t’Alla li dejjem jimxi mal-poplu tiegħu, b’mod speċjali meta jkun qed ibagħti; it-tieni, għanda social centre tajjeb ħafna, li ħadem ħafna għad-djalogu bejn il-gvern, il-militari u l-gwerilla fil-proċess għall-paċi u wkoll qed jaħdem ħafna biex joffri programmi għaż-żgħażagħ. 

Il-kundizzjonijiet tal-post trid taddatta ħafna għalihom. Sħana tal-biża’ u kontinwa, il-bieraħ telgħat 47 u umditá kbira. Tkun il-ħin kollu tegħreq. Fil-fatt għandi naqra ċmajra bħalissa għax nħar il-Għid kelli 7 quddiesiet f’postijiet differenti u wara l-ewwel vjaġġ diġá kont għasra bl-għaraq u bqajt hekk il-gurnata kollha.

Hawn skoss annimali li jagħmlu l-ħajja vera interessanti....per ezempju, tkun rieqed u ssib iguana ħdejn rasek hekk, vera esperjenza spiritwali hahaha... u meta nivvjaġġa fuq ix-xmara biex immur inqaddes u d-dgħajsa tkun qisha ser tinqeleb u taf li l-post mimli kukkudrilli..!"

Patrick Magro SJ

 

facebook youtube twitter flickr