Indirizz ta' merħba lill-Arċisqof - Skola Sekondarja

8 TA’ OTTUBRU, 2013

KOMMEMORAZZJONI TA’ JUM IT-TWAQQIF TAL-KULLEĠĠ

INDIRIZZ TA’ MERĦBA LILL-ARĊISQOF WAQT IL-LAQGĦA TIEGĦU MAL-ISTUDENTI U L-ISTAFF TAL-ISKOLA SEKONDARJA

Eċċellenza, 

F’isem l-istudenti u l-istaff kollu tal-iskola sekondarja nixtieq nagħtik merħba fil-Kulleġġ San Alwiġi. 

Nixtieq nirringrazzjak li għoġbok tonorana bil-preżenza tiegħek fil-jum li l-Kulleġġ qed jikkommemora l-106 sena mit-twaqqif tiegħu bħala skola. Kien preċisament fit-8 ta’ Ottubru 1907 li l-Kulleġġ fetaħ il-bibien tiegħu għal 62 student: 50 student imsejħa day boarders li kienu jdumu sas-7.00pm fil-Kulleġġ u 24 student li kienu jmorru lura f’darhom wara li tispiċċa l-iskola. 

L-istorja tal-Ġiżwiti fil-qasam tal-edukazzjoni tmur lura għall-1592 meta waqqfu l-Collegium Melitense fil-Belt Valletta. Il-Ġiżwiti tkeċċew minn pajjiżna mill-Gran Mastru Pinto fl-1768 u l-Collegium Melitense kompla jikber u jiżviluppa sakemm sar l-Universita’ ta’ Malta. Kien fl-1845 li grupp ta Ġiżwiti Ngliżi reġgħu lura Malta u fetħu s-St. Paul’s Boarding School fl-Mdina. Iktar tard din l-iskola ġiet trasferita għall-Belt Valletta. Fl-1866 il-Ġiżwiti Sqallin kienu jmexxu s-seminarju ta’ Għawdex u l-Ġiżwiti Ngliżi fetħu kulleġġ ieħor: St. Ignatius College f’ San Ġiljan. Meta l-Ġiżwiti Ngliżi rriturnaw l-Ingilterra, madwar tlitt mitt ġenitur għamlu petizzjoni lill-Papa Piju X biex l-istudenti tagħhom jibqgħu jirċievu l-edukazzjoni tagħhom mingħand il-Ġiżwiti Sqallin u biex il-bini li kien jintuża għall-istudenti Ġiżwiti Sqallin jibda jintuża bħala l-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara. Il-Papa laqa’ t-talba ta’ dawn il-ġenituri u fl-1907 l-Kulleġġ fetaħ taħt it-tmexxija tal-P. Emmanuel Grima, l-ewwel rettur tal-Kulleġġ. 

Mill-1907 ‘l hawn saru bidliet kbar. Inbniet u nfetħet il-Knisja tal-Kulleġġ fl-1914, infetaħ dan it-teatru fl-1928 u żdiedu l-grounds fl-1954. Inbena bini ġdid għas-sixth form fl-1991 kif ukoll kumpless sportiv fl-1997. L-aħħar żieda sinifikattiva hija dik tal-iSkola Primarja tal-Kulleġġ San Alwiġi li s-sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija għaddewlna fis-sena 2008. Illum il-ġurnata l-Kulleġġ  jħaddan tliet skejjel kbar u Kumpless sportiv li jagħmluh l-ikbar skola tal-Knisja fid-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex. 

Minbarra dawn il-bidliet strutturali li semmejtlek saru bidliet oħra importanti. Fost dawn nixtieq insemmi b’mod partikulari d-deċiżjoni marbuta mat-tneħħija tal-eżami tal-Common Entrance. Għall-iskola sekondarja tal-Kulleġġ San Alwiġi din kienet bidla radikali imma waħda li turi biċ-ċar kemm huma għeżież għalina l-valuri tal-ġustizzja evanġelika u tal-inklużjoni. Id-dħul fl-iskola Primarja u fl-iskola Sekondarja jsiru bil-polza. Barra minnhekk, kull sena ndaħħlu numru ta’ studenti bi bżonnijiet edukattivi partikulari. Din l-għażla li jkollna Kulleġġ iktar inklussiv ġabet magħha sfidi kbar kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema kollha. Waqqafna support unit b’nies kompetenti f’oqsma differenti tat-tagħlim u qed nagħmlu mill-aħjar biex noffru tagħlim ta’ kwalita’ sabiex l-istudenti kollha, huma x’inhuma l-abbiltajiet tagħhom ikunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom. Inħossu li dawn il-valuri huma wkoll f’sintonija mal-valuri tan-National Curriculum Frameworks li aħna diġa’ qed nimplimentaw fl-iskejjel tagħna.  

Matul dawn l-aħħar xhur erġajna rriflettejna fuq il-viżjoni li nixtiequ li jkollna għall-Kulleġġ San Alwiġi. Saru konsultazzjonijiet wiesa’, l-aktar fost l-għalliema tat-tliet skejjel biex nifformulaw vision statement wieħed għall-Kulleġġ San Alwiġi.  Dan il-vision statement iħaddan il-valuri prinċipali li nixtiequ ngħaddu lill-istudenti tagħna matul is-snin tagħhom f’din l-istituzzjoni edukattiva. Ħdimna wkoll biex ikollna visual identity waħda fit-tliet skejjel.  

Minkejja li għandna esperjenza twila fil-qasam tal-edukazzjoni inħossu l-bżonn li nibqgħu nitgħallmu u naġġornaw ruħna max-xjenza u l-arti tal-pedagoġija, speċjalment mal-Pedagoġija Injazjana li tagħmilna parti minn network kbir ta’ skejjel li jmexxu l-Ġiżwiti mad-dinja kollha. 

Eċċellenza, kif taf tajjeb, permezz tal-iskejjel tagħha, il-Knisja f’Malta u Għawdex għandha kuntatt ma’ aktar minn 35% tal-istudenti kollha ta’ pajjiżna. Din hija missjoni prezzjuza ħafna tal-Knisja u fl-opinjoni tiegħi għandna nkomplu nagħtuha priorita’ b’iktar impenn minn qatt qabel. It-tip u t-tul tal-kuntatt li l-istudenti u ż-żgħażagħ għandhom mal-Knisja permezz tal-iskejjel tagħha, jisboq dak li jista’ qatt ikollhom fil-parroċċi. 

Fostna l-kapjiet tal-iskejjel tal-knisja jinħass ħafna l-bżonn li nsaħħu l-identita’, il-karattru u l-awtonomija tagħna bħala skejjel tal-Knisja. Fl-opinjoni tiegħi, il-futur tagħna jiddependi fuq tliet punti importanti li nixtieq naqsam miegħek:

  1. Li nkomplu nitgħallmu u nfittxu mezzi u modi kif nagħtu tagħlim ta’ kwalita’ għolja lill-istudenti kollha tagħna, huma x’inhu l-abbiltajiet tagħhom; 
  2. li inti u l-Provinċjali Reliġjużi tkomplu tibgħatu lilna reliġjużi u qassisin djoċesani biex nispeċjaliżżaw f’oqsma tal-amministrazzjoni tal-edukazzjoni u fil-pastorali mal-istudenti u ż-żgħażagħ u
  3. li niżviluppaw programmi ta’ formazzjoni serji fil-kariżma ta’ kull skola partikulari lill-membri kollha tal-istaff u b’mod partikulari lil dawk li jintgħażlu biex ikollhom rwol fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet edukattivi tagħna. 

Fuq dan l-aħħar punt ippermettili nesprimi x-xewqa li fl-għażla ta’ ħatriet ta’ tmexxija, il-persuni li jingħażlu jkunu l-ewwel u qabel xejn kompetenti, magħżula permezz ta’ proċess serju u trasparenti u skont l-istandards mitluba lilna mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u Impjieg. Fl-opinjoni tiegħi, huwa daqstant ieħor importanti li l-persuni li jintagħżlu f’dawn ir-rwoli għandhom ikunu persuni ta’ integrita’ u li fuq kollox iħaddnu l-valuri nsara biex l-identita’ tal-iskola tibqa’ dik ta’ skola tal-Knisja. 

Qed insemmi dan il-punt fid-dawl tan-negozjati li dalwaqt jibdew biex issir reviżjoni tal-Ftehim bejn il-Knisja u l-Malta Union of Teachers. Nispera ħafna li fil-ftehim il-ġdid, l-identita’, il-karattru u l-awtonomija tal-iskejjel tal-Knisja jkunu iktar espliċiti u b’saħħithom milli huma bħalissa. Dan jgħodd l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħatriet importanti bħal ma’ huma kapijiet ta’ skejjel, kapijiet assistenti, kapijiet tad-dipartimenti u inclusion coordinators. 

Eċċellenza, minn qalbi nirringrazzjak tal-appoġġ kollu li inti tagħti lill-Kulleġġ San Alwiġi speċjalment permezz tad-delegat tiegħek għall-Edukazzjoni Fr. Charles Mallia. Nirringrazzja lilek Patri Provinċjal talli temmen daqshekk fil-ġid li jista’ joħroġ mit-tagħlim fl-iskejjel tagħna u tal-appoġġ kbir li tagħti lili bħala rettur ta’ dan il-Kulleġġ. Nirringrazzja wkoll lill-komunita’ tal-Ġiżwiti, lil membri tal-Bord tal-Kulleġġ u lill-għalliema u l-impjegati kollha, tal-ħin, tal-ġenerożita u tad-dedikazzjoni tagħkom biex il-Kulleġġ ikompli joffri tagħlim ta’ kwalita’ għolja lill-istudenti kollha tagħna. Grazzi mill-qalb lilek Sur Ian Mifsud tal-appoġġ li dejjem sibt mingħandek minn mindu bdejt il-missjoni tiegħi bħala rettur ta’ dan il-Kulleġġ. 

Fuq kollox nixtieq nirringrazzja lil Alla tal-grazzji kollha li jagħti lil kull wieħed u waħda minnha biex inwettqu din il-missjoni sabiħa għall-Akbar Glorja Tiegħu, Ad Maiorem dei Gloriam.  Grazzi ħafna

P. Jimmy Bartolo sj

Rettur


Back to overview

facebook youtube twitter flickr