Għada Ħadd ma Rah

GĦADA ĦADD MA RAH…

Fil-bidu ta’ sena ġdida ejja napprezzaw kemm jiswa ż-żmien.

Kieku kont naf li dan kien l-aħħar lejl li se narak torqod, kont indaħħlek fis-sodda iktar bil-qalb u nitlob lil Alla għalik.

Kieku kont naf li din l-aħħar darba li se narak ħierġa mill-bieb ’il barra, ma kontx inħallik titlaq bil-buri u miġġielda miegħi. Kont nagħtik tgħanniqa u bewsa qabel titlaq.

Kieku kont naf li kienet se tkun l-aħħar darba li nisma’ l-vuċi tiegħek, kont nirrekordjak ħalli nibqa’ ngawdi leħnek kuljum.

Kieku kont naf li din l-aħħar darba li se niltaqa’ miegħek, kont nieqaf biex ngħidlek kemm inħobbok, minflok ma nassumi li taf.



Kieku kont naf li dan hu l-aħħar pjaċir li se titlobni, ma kontx ingerger, anzi kont nagħmlu iżjed bil-qalb.

Kieku kont naf li dan hu l-aħħar messaġġ li ħa tibgħatli, kont inwieġbek mill-ewwel.

Kieku kont naf li din hi l-aħħar ikla li se ssajjarli, ma kontx ngħidlek li l-għaġina nħarqitlek, imma kont niekol bil-mod biex bħallikieku ma tispiċċalix l-aħħar ikla minn taħt idejk.

Kieku kont naf li dan l-aħħar rigal li se tixtrili, ma kontx immaqdar dak li xtrajtli.

Il-‘Kieku’ u l-‘kien’ qatt ma ltaqgħu flimkien!

Għandna ħabta ngħixu ħajjitna moħħna mistrieħ li l-jum t’għada se jagħtina ċans inpattu għal dak li m’għamilniex illum. Imma, jaħasra! Jasal għada u nibqgħu naħsbu l-istess ħaġa… Sakemm iż-żmien jibda jgerbeb u nispiċċaw qatt ma nagħmlu dak li ħsibna li se nagħmlu ‘għada’. Imbagħad, wisq drabi, ikun tard wisq.

Il-ħajja qasira, għalhekkli għandek tagħmel agħmlu llum, anzi, ISSA! Jista’ jkun li din hi l-aħħar ġurnata ċans li għandek biex tgħid u tagħmel ġesti sbieħ. Ħadd mhu ċert x’se jiġri għada, kemm jekk ikun kbir fl-età u anke jekk żgħir. Flok tistenna l-jum ta’ għada, għaliex ma tibdiex minn issa?

Mela dak li għandek tagħmel agħmlu issa. Fittex għid lin-nies li tħobb: “Inħobbok… aħfirli… grazzi… napprezza…” U jekk għada ma jisbaħx għalik jew għall-persuna li tħobb, ma jkollokx id-dispjaċir li m’għedtilhiex l-affarijiet li xtaqt tgħidilha.

Issa hu l-mument li tgħix u tħobb. Għada ħadd ma rah!

IS-SENA T-TAJBA LIL KULĦADD!


Back to overview

facebook youtube twitter flickr