Kruha jew Sbuħija?

KRUHA JEW SBUĦIJA?

Esperjenza qasira u qawwija fil-Kenya

Dan l-aħħar kont għal xi ħmistax-il ġurnata l-Kenya. Mort biex nagħti rtir lis-sorijiet ta’ M. Teresa f’Nairobi, il-belt kapitali tal-Kenya. Talbuni mmur ngħinhom, imma aktar sibt għajnuna jien minflok. Kienet esperjenza li għallmitni u kabbritni b’diversi modi.

L-irtir għamilnieh fil-compound tas-sorijiet ta’ M. Teresa. Għall-irtir kienu 14-il soru minn diversi pajjizi, il-maġġoranza Afrikani. F’dan il-compound hemm aktar minn 120 soru, għax fih in-novizzjat u l-postulantat, barra grupp sorijiet professi li jagħmlu kors ta’ aġġornament.

Hawn ħafna vokazzjonijiet. Tfajliet Afrikani ġejjin, il-bicca l-kbira, minn irħula mbiegħda, familji fqar u ambjenti sempliċissmi, imma b’qalb kbira u tad-deheb. Tfajliet li kull waħda taf x’inhuma faqar u tbatija, ġejjin minn irħula xejn żviluppati. Fis-sempliċità tagħhom huma ħerqanin u entużjasti biex jagħtu ħajjithom lil Ġesù.

Dawk li qed immexxi jien fl-irtir huma sorijiet professi. Tisma’ ħafna stejjer ta’ tbatija u sagrifiċċji. Xi wħud ħelsuha ħafif minn gwerer u ġlied f’pajjiżhom. Min tilef il-familja tiegħu fil-ġenoċidju tar-Rwanda, min ra lil missieru jeħlisha ħafif b’suldati diġà jippuntaw revolver ma’ rasu, min stuprati mis-suldati stess u min kellu jieħu ħsieb lilħutu iżgħar minnu biex jaħarbu minn mewt żgura.

Kważi kollha ġejjin minn familji numerużi, imma tajbin u ġenerużi. Sitwazzjoni li tixbah, xi ftit, dik ta’ kif kienu l-familji Maltin xi 60 sena ilu jew aktar, imma f’faqar ferm aktar gravi minn dak li kellna f’pajjiżna dak iż-żmien.

Fil-compound is-sorijiet jieħdu ħsieb ta’ xi 40 tifel u tifla  b’diżabiltajiet gravi hafna. Il-biċċa l-kbira minnhom ġabruhom is-sorijiet minn garbage bags u laned taż–żibel, għax, skont ma qaltli s-soru, il-familji, trabi li jitwieldu hekk, jarmuhom. Waħda tfajla fil-wheelchair, li ilha mas-sorijiet sa minn ċkunitha, qaltli: “Missieri rmieni barra, imma ma jimpurtax, l-aqwa li għandi lil Alla bħala Missier.” Tħallik bla kliem.

F’parti oħra jieħdu ħsieb nisa b’diżabiltajiet mentali serji u gravi. Dedikazzjoni u mħabba taqtagħhom b’sikkina. U kollox mill-anqas. M’hemmx lussu u kumditajiet kif imdorrijin aħna. Għandhom dak biss li hu neċessarju – ħwejjeġ li jiddubbaw, ħafjin jew b’xi flip-flop imtertaq u xorta kuntenti u bid-daħka.

L-ambjent ta’ madwar il-compound huwa slum area. Ħafna faqar. Toroq li jservu ta’ suq. Kulħadd ibigħ li jista’ bl-oġġetti mifruxa jew imdendla ma’ twavel, pjanċi, xi karretta zoppa, jew xi biċċa kanvas mixħuta fl-art. Toroq imħarbta mimlijin ħofor, mingħajr asfalt u li ma kull xita jsiru tajn. Ħmieġ ma’ kullimkien.

Il-kriminalità hija ħobża ta’ kuljum f’dawn l-ambjenti. Il-faqar isebbaħ lil min hu sabiħ imma jista’ wkoll ikerrah u jħarrax il-qalb ta’ dak li jkun. Waqt li kien qed iwassalni x’imkien, wieħed driver ta’ taxi li jaqdi lis-sorijiet, irrakkontali kif kienu serqulu l-ewwel taxi li kellu u ħallewh għal mejjet f’nofs bosk imwarrab. Salva b’miraklu.

Is-sorijiet billejl joħorgu l-klieb tal-għassa tagħhom, li anke l-inbiħ tagħhom iwerwrek. Mad-9.30am anqas fil-compound ma tista’ toħroġ. Trid tissakkar fil-kamra, minħabba l-klieb tagħhom stess, aħseb u ara kemm se tmur tieħu flixkun birra Paceville…!

Waħda soru qaltli l-istorja ta’ waħda mit-tfajliet li jiġu għandhom. Urietni l-ġrieħi f’wiċċha u f’rasha, daqqiet ta’ sikkina li tawha f’nofs ta’ triq biex jisirqulha l-mobile. Mara żagħżugħa oħra, single mother ta’ żewġt itfal żgħar il-ġmiel tagħhom, tiġi kuljum tgħaddi l-ġurnata għand is-sorijiet b’uliedha b’kollox. Xogħolha hu li tiknes il-bitħa tal-compound. B’nofs ċajt u b’nofs serjetà staqsejtha: “Fejn taħseb l-aħjar, barra l-grada jew hawn ġew?” Qaltli: “Dażgur li hawn ġew… Tal-anqas moħħi mistrieħ!”

Imma hija esperjenza qawwija oħra għalija meta nitkellem ma’ dawn is-sorijiet sempliċi u twajbin, bid-diffikultajiet kollha u l-limitazzjonijiet ta’ bnedmin li huma. Imma l-guts u l-kuraġġ li għandhom li jingħataw għal ħidma ta’ karità kbira bħal din ma jistgħux ma jsaħħrukx. L-eżempju tagħhom jispirak biex int ukoll tagħmel b’aktar ġenerozità dak li tista’ biex ixxerred ftit aktar tjubija u mħabba f’dinja li tant għandha bżonn ta’ Alla.

Kelli ċ-ċans inżur ukoll orfanatrofju għat-tfal morda bl-AIDS. Dan orfanatrofju li bdieh patri Ġiżwita li kien tabib, Fr D’Agostino sj, flimkien ma’ Sr Mary Owens, soru tal-Mary Ward Sisters, fl-1989. Bdew b’żewġt ikmamar, jiġbru t-tfal u t-trabi li jitwieldu infettati bl-AIDS u li jitilfu l-ġenituri tagħhom vittmi tal-istess marda.

Dan l-istitut illum jieħu ħsieb ta’ aktar minn 120 tfal u żgħażagħ, fih skola, klinika, u ċentru modern ta’ kura għal din il-marda qerrieda. Ċerti testijiet biex ikunu jafu liema mediċina tgħodd, skont it-tip ta’ virus li jkollhom il-morda, jagħmluhom huma biss fil-Kenya kollha. Saru l-esperti, magħrufa mad-dinja medika.

Xi żmien ilu konna għamilna kampanja biex niġbru mobiles użati u qodma biex ngħinu dan l-istitut. Ġbarna somma sabiħa li tajnihielhom dis-sena. Tgħidx kemm apprezzaw din l-għajnuna u Sr Mary, li qed tmexxi din l-opra issa li Fr D’Agostino miet, talbitni biex nirringrazzja f’isimha lil dawk kollha li għenu f’din il-kampanja ta’ ġbir tal-mobiles.

Esperjenza sabiħa oħra li kelli l-Kenya kienet żjara qasira li għamilt fil-missjoni ta’ Malindi, fejn hemm l-Isqof Malti, Monsinjur Emmanuel Barbara, Kappuċċin. Laqagħni b’idejh miftuħa u kont noqgħod fid-dar tiegħu, flimkien ma’ saċerdot Afrikan żagħżugħ li jgħinu.

Xogħol sabiħ immens. Id-djoċesi ta’ Mons Barbara issa kibret ġmielha bil-ħidma tal-patrijiet Kappuċċini Maltin u s-saċerdoti li ħadmu bis-sħiħ fis-snin ta’ qabel. Illum tgħodd madwar 35,000 insara u xi 30 saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jaħdmu fiha. Meta kont hemm inzertajt il-festa ta’ San Franġisk Saverju li hu l-patrun tad-djoċesi u li għalih dedikat il-Katidral.

Il-festa bdiet b’purċissjoni li telqet mill-post fejn San Franġisk Saverju kien niżel l-art fil-vjaġġ tiegħu lejn l-Indja. L-insara ġew minn diversi parroċċi fid-djoċesi, xi wħud mill-bogħod ħafna. Kollha kienu libsin l-isbaħ ilbies. In-nies bdew ikantaw b’mod spontanju tul il-mixja, speċjalment innijiet lill-Madonna. Fit-toroq, anke Misilmin jew nies ta’ fidi oħra, kienu  jieqfu b’rispett u jsellmu lill-purċissjoni u lill-Isqof, li kien midħla ta’ diversi minnhom.

Il-Katidral, mibni xi ftit snin ilu, kbir u arjuż, kien ippakkjat bin-nies. Tfal u żgħażagħ jiżfnu fil-waqtiet kollha tal-quddiesa. Kor ta’ xi tmenin ruħ ikanta b’ħeġġa li tqanqlek u daqq ta’ tnabar li jdaħħluk f’ritmu sabiħ u ħaj. Waqt il-quddiesa saret il-ġabra annwali għall-bżonnijiet tad-Djoċesi. Kulħadd tela’ bl-offerta tiegħu – kappillani, għaqdiet, gruppi tal-parroċċi, individwi, tfal. L-Isqof stess ħabbar kemm kien ġabar minn Malta. Il-flus ingħaddu dak il-ħin stess u tħabbret is-somma. Kulħadd infexx iċapċap. Dan kien wieħed mid-dħul prinċipali biex id-Djoċesi setgħet twettaq il-ħidma tagħha.

Tlaqt mill-Kenya biex nirritorna Malta b’qalbi tfur b’sentimenti mħalltin. Niket għall-miżerja u l-kruha li rajt u smajt kemm domt hemm. Ferħ kbir għas-sbuħija enormi li rajt fil-qlub, fl-uċuh ta’ tant nisa, irġiel, tfal, patrijiet u sorijiet u saċerdoti li għajnejhom kienu bħal imsiebaħ jiddu fid-dlamijiet tal-faqar u l-inġustizzji li kienu mdawrin bihom.

Waqt li l-ajruplan kien qed jintrefa’ ’l fuq minn dik l-art sabiħa, tlabt minn qalbi, biex il-Mulej isib dejjem aktar nies b’qalb miftuħa biex b’għemilhom u bi tjubitom idawlu mhux biss il-Kenya, imma lil Malta u d-dinja kollha bid-dawl tal-imħabba t’Alla li niżlet fostna fil-persuna ta’ Kristu, ħuna u l-uniku ħellies tagħna.

Mhux li kieku kulħadd jagħrfu u jgħidlu ‘iva’ għas-sejħa tiegħu li jkun missjunarju tal-imħabba f’daru u f’pajjiżu stess.

Paul Chetcuti sj


Back to overview

facebook youtube twitter flickr