Il-Mobiles Qodma

IL-MOBILES QODMA JGĦINU FIL-MISSJONIJIET ĠIŻWITI FL-AFRIKA

Xi sentejn ilu konna għamilna kampanja biex niġbru MOBILES għall-Missjoni. Minn dik il-kampanja konna ġbarna €4,500. Dawn il-flus qsamnihom, kif konna ħabbarna, bejn żewġ opri sbieħ li qed jagħmlu l-Ġiżwiti fl-Afrika.

L-ewwel opra hija orfanatrofju, f’Nairobi, l-Kenya, ta’ tfal morda bl-AIDS li l-ġenituri tagħhom mietu bl-istess marda. Lil dawn tajnihom €2000. Kelli x-xorti nżur dan l-orfanatrofju dan l-aħħar waqt vjaġġ li għamilt fil-Kenya, kif nirrakkonta fl-artiklu l-ieħor li qed nippublika f’din l-istess ħarġa tal-RM2000.

It-tieni proġett huwa fiċ-Chad, fejn il-Ġiżwiti qed jgħinu lil familji fqar billi jipprovdulhom fran jew spiritieri jaħdmu bix-xemx, biex jiffrankaw l-injam (u jsalvaw is-siġar) u hekk jgħinu lin-nisa tad-dar ikunu aktar preżenti ma’ wliedhom. Tajnihom €2,500.

Hawn qed inġib informazzjoni li bagħatli Brother Franco Martellozzo, missjunarju Ġiżwita Taljan li ilu jaħdem snin twal fiċ-Chad.

Min jixtieq jibgħat xi offerta jista’ jibgħatha fl-uffiċċju tal-RM2000 in-Naxxar. Iktbu: għajnuna għaċ-Chad jew għall-Orfanatrofju ta’ Nyumbani.

 

Għażiż Fr Paul,

Grazzi tal-flus li għoġbok tibagħtilna għall-missjoni tagħna. Ilna xi snin naħdmu fuq dan il-proġett, li nagħtu fran jaħdmu bix-xemx lin-nies fqar fl-irħula ta’ din in-naħa taċ-Chad fejn ili missjunarju għal ħafna snin.

Kif tlabtni, qed nibgħatlek ftit informazzjoni dwar dawn il-fran u l-proġett kollu.

Kien il-Brother Ġiżwita Pietro Rusconi li ħadem biex jissimplifika mudell Ġermaniż ta’ dawn il-fran jew spiritieri, biex jagħmilhom aktar irħas u aktar sempliċi biex iħaddmuhom in-nisa u t-tfal. Teknikament huma idea perfetta biex ngħinu lin-nisa li jiffrankaw nofs il-ħatab li jridu jużaw biex isajru. Fil-fatt, wieħed irid dejjem joqgħod attent minħabba l-maltempati ta’ ramel u s-sħab li jgħattu x-xemx speċjalment fl-istaġun tax-xita.

Bl-esperjenza skoprejna li b’dawn il-fran solari konna qed noħolqu diffikultà mhix żgħira fil-kultura lokali, speċjalment fid-dinja tal-mara tad-dar. Tajjeb tkun taf li l-mara Ċadjana iżżomm il-fuklar tagħha f’rokna moħbija tad-dar fejn ebda raġel ma jista’ jirfes. Hija f’din ir-rokna li l-mara tilqa’ lin-nisa ħbiebha u tieħu ħsieb l-ulied ċkejknin tagħha. Ma tħalli lil ħadd jidħlilha u jmiss il-borom u l-kziezel tagħha.

Il-forn tax-xemx, mill-banda l-oħra, jeħtieġ li jkun fil-miftuħ fejn ikun espost għax-xemx tiżreġ. Dan ifisser li l-mara trid issajjar f’post minn fejn jgħaddi kulħadd u fejn kulħadd jista’ jara x’qed issajjar u kif qed issajjar. Minħabba f’hekk bosta nisa bdew jirrifjutaw li jużaw dawn il-fran, għax kienu jippreferu jsajru fil-kċejjen tradizzjonali tagħhom.

Ippruvajna nsibu soluzzjoni. Bqajna nipproduċu l-fran tax-xemx, imma bdejna nistallawhom fl-iskejjel, biex l-istudenti bniet jitgħallmu jużawhom u fl-istess ħin jidrawhom. Fl-istess waqt bdejna nibnu mudelli ta’ fran li jużaw kwart biss tal-injam li jużaw il-fran tradizzjonali.

Huma dat-tip ta’ fran li rnexxew u n-nisa tgħidx kemm jogħġbuhom. Jaħdmu bl-arja li tiċċirkola minn ġewwa tal-fran, huma sempliċi biex tużahom u huma ħafna irħas mill-fran tax-xemx. Isibuhom komdi għax jistgħu icaqalquhom b’mod aktar faċli u, meta jkun il-bard, jużawhom biex isaħħnu d-dar.

Il-flus li bgħattilna se nużawhom biex nixtru l-materjal li għandna bżonn biex nibnu dawn il-fran sempliċi, irħas u ekonomiċi u biex inbigħuhom bi prezz sussidjat biex in-nies jibdew jaċċettawhom faċilment.

Kull forn jiġi jqum madwar €46, imma n-nisa forsi jaslu biex iħallsu nofs din is-somma. Għalhekk l-għajnuna tagħkom hija wisq prezzjuża.

Nitolbok tirringrazzja lil dawk kollha li għenu biex jinġabru l-flus li bgħattulna. Il-Mulej ibierek dawn il-qlub ġenerużi.

 

Brother Franco Martellozzo sj

 

Għal aktar informazzjoni iftaħ din il-link fuq l-internet.

http://www.youtube.com/watch?v=JO0gnQ-v3FQ

 


Back to overview

facebook youtube twitter flickr