It-Tina u l-Krozzi

IT-TINA U L-KROZZI

Jiena persuna b’diżabilità. Imma ddeċidejt li ma nużax id-diżabilità tiegħi bħala skuża li żżomni milli nagħmel affarijiet kbar. Mhux se nħalliha tittimbrani bħala mara inkompetenti u dgħajfa. Minflok, se nużaha bħala inċentiv biex nuża l-potenzjal tiegħi, anke jekk dan limitat.

Sitt xhur ilu, it-tabib tiegħi qalli li l-kawża  li n-naħa tax-xellug ta’ ġismi nħossha mejta u ma nkunx nista nimxi u noqgħod bilqiegħda sew bl-uġigħ, hija proprju x-xatka. U din il-kundizzjoni tista’ tikkawża wkoll l-artrite.

Għandi sebgħa u tletin sena. Bħala persuna jiena verament attiva. Jien omm ta’ tlitt itfal, għalhekk meta smajt x’kundizzjoni kont qed inbati biha, ħassejt id-dinja taqa’ fuqi. Din mhix xi ħaġa li titlaq malajr jew li tfiq minnha. Hija xi ħaga li rrid nibqa’ ngħix biha għal ħajti kollha, ħajja li nispera li tkunli twila u mimlija saħħa u sodisfazzjon.

Kull ġurnata hija battalja: biex noħrog mis-sodda, nilgħab mat-tfal, naħdem u nagħmel il-faċendi. F’xi ġranet inħossni aħjar mis-soltu. Minflok ma ħallejt id-diżabilità tiegħi tniżżilni ’l isfel, għamilt sforz fuqi nnifsi, biex illum, sitt xhur wara, inħossni tajba. Meta sifirt ma’ tal-familja għal vaganza fl-Awstralja, bqajt impressjonata b’siġra tat-tin li ħawlet tfajla żagħżugħa madwar 140 sena ilu.

Hekk kif waqafna quddiem din is-siġra, biex inkunu nistgħu nammirawha u nitgħaxxqu biha, bqajt imbellha bl-għeruq tagħha li kienu nfirxu mijiet ta’ piedi f’kull direzzjoni.

Għalkemm il-ħamrija kienet nieqsa mis-sustanzi, dawn l-għeruq ħallew is-sigra tat-tin tikber 80 pied għoli u kważi mitejn pied wisa’ mill-għeruq b’saħħithom tagħha. Barra minn hekk hi tagħti ħafna frott bnin li jgawduh kemm dawk li jgħixu qrib kif ukoll dawk li jgħixu ’l bogħod.  

Hekk kif kont hemm inħares lejn  din is-siġra, għaraft li nixtieq li ħajti tkun bħalha. Bħall-għeruq sodi u mifruxa tagħha, jien ukoll nista’ nkun ankrata f’pedamenti sodi. Nixtieq li bħas-siġra tat-tin nibqa’ nikber (bid-diżabilità li għandi b’kollox) biex nagħti frott ta’ għerf, sens ta’ direzzjoni, qawwa u paċi li tant għandi bżonn.

Irrid li negħleb dak kollu li qed iżommni milli nilħaq il-potenzjal veru tiegħi sabiex inkun persuna aħjar, minkejja d-difetti u l-limitazzjonijiet tiegħi. Nixtieq li nkun kapaċi ngħin lil ħaddiehor biex ma jħallux id-diżabilità tagħhom twaqqafhom milli jagħmlu affarijiet kbar f’ħajjithom.

S. Whitfield


Back to overview

facebook youtube twitter flickr